Lokali

“Dan hu Gvern li falla lilek għax moħħu biss fih innifsu” – PN

Il-Gvern ta’ Robert Abela falla lill-poplu għax ħsiebu biss kif se jsalva lilu nnifsu.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u mix-Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Konsumatur Janice Abela Chetcuti, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif dan hu Gvern li mhu qed jagħmel xejn biex itaffi l-problemi tan-nies għax mehdi fit-taħwid tiegħu stess.

Agħar minn hekk, hu Gvern li, mhux biss m’għandux is-soluzzjonijet, iżda li meta s-soluzzjonijiet jingħatawlu fuq platt mill-Partit Nazzjonalista, mhux interessat li jimplimentahom għall-ġid tan-nies.

Filwaqt li Robert Abela u sħabu qed jiġu quddiem il-poplu biċ-ċifri biss, il-Partit Nazzjonalista qed jiġi quddiem il-poplu bir-rimedji. Għax in-nies ma tiekolx bin-numri, iżda b’ekonomija li tħallilhom il-flus fil-but.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li:

· Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-COLA, m’għandhiex tkun taxxabbli;

· Jingħataw tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja;

· Jinħoloq Fond Nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu l-impatt fuq l-għoli tal-ħajja;

· Ikun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw għal xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.

B’dawn il-miżuri, il-Gvern jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ ħafna nies, iżda hu evidenti li dawk li qed imexxu mhux isaqqfu wiċċhom mal-problemi li qed isibu ma’ wiċċhom ħafna żgħażagħ, ħaddiema u anzjani.

Nafu kemm qed jogħlew oġġetti bażiċi ta’ kuljum. Nafu kemm qed jogħlew mediċini u kemm mediċini qed ikollhom jixtru minn bwiethom il-morda u l-anzjani tagħna minħabba li ħafna pilloli u prodotti mediċi oħrajn jinsabu out of stock.

F’anqas minn ħames snin, xirja bażika għoliet b’40%: minn €65.98 fl-2020, illum splodiet għal €90.56.

Fl-aħħar ġimgħat biss kellna żidiet fil-prezzijiet tal-laħam, tal-prodotti tal-ħalib, tax-xarbiet fil-fliexken tal-plastik, taċ-ċikkulata u tal-internet, fost oħrajn.

Dawn huma r-realtajiet li jiffaċċjaw in-nies ta’ kuljum. Iżda l-Gvern ta’ Robert Abela ma jistax jifhem dawn ir-realtajiet għax bwiethom mimlija u moħħhom biss fihom infushom u f’tagħhom, u f’xejn aktar.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan hu Gvern li qed ifalli lin-nies kuljum, filwaqt li ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin biex isemmgħu leħinhom billi jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista fil-Protesta bit-tema “Gvern li Falla”, il-Ħadd li ġej fit-3:00pm minn quddiem il-Parlament.