Lokali Mużika

“Diva NOT Down” – Miriana Conte tirreaġixxi għaċ-ċensura min-naħa tal-EBU

Il-kelma 'Kant' trid titneħħa

Miriana Conte esprimiet id-diżappunt tagħha wara li ġiet infurmata li l-European Broadcasting Union, l-EBU, iddeċidiet li tiċċensuralha l-kanzunetta tagħha “Kant” fil-festival tal-Eurovision li se jittella’ f’Mejju li ġej.

Skont ix-Xandir Nazzjonali, ftit tal-ħin ilu l-ESC Reference Group ta’ l-EBU ikkomunika mal-PBS li tistax tintuża il-kelma Maltija “kant”. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li sar rapport – possibbilment mill-BBC. Fid-deċiżjoni tiegħu l-EBU ikkomunika li qed jitlob li jinbidel it-titlu bil-Malti tal-kanzunetta u titneħħa għal kollox il-kelma ‘kant’.

Is-sottomissjoni finali tal-kanzunetta hi l-10 ta’ Marzu.

F’post fuq il-media soċjali, Miriana Conte qalet li kienet qed tiffilmja l-video uffiċjali tal-kanzunetta meta waslitilha l-aħbar dwar id-deċiżjoni meħuda mill-EBU.

“Filwaqt li jien maħsuda u ddiżappuntata, inwegħdkom ħaġa waħda: l-ispettaklu se jibqa’ għaddej – Diva NOT down,” qalet il-kantanta Maltija li fl-aħħar ġimgħat kompliet tikseb popolarita’ kbira bil-kanzunetta tagħha.

Minkejja din l-iżvilupp, Miriana Conte assigurat li se tkompli tiffoka fuq l-esperjenza tagħha fil-Eurovision u se tirrappreżenta lil Malta bl-aqwa mod possibbli.