Kummerċ Lokali

Il-BOV jinkoraġġixxi mmaniġjar ta’ flus aktar intelliġenti

Inċentiva li tippremja lil min jagħżel pagamenti diġitali minflok flus kontanti

Il-Bank ta’ Valletta (BOV) qed iniedi inċentiva biex jinkoraġġixxi l-klijenti jagħżlu pagamenti diġitali minflok flus kontanti. Din l-inċentiva hija parti mill-impenn tal-Bank favur il-litteriżmu finanzjarju. Din l-inizjattiva, miftuħa mill-1 ta’ Marzu sat-30 ta’ Ġunju 2025, għandha l-għan li teduka lill-klijenti dwar il-vantaġġi li ma tibqax tiddependi fuq il-flus kontanti, billi tagħżel pagamenti diġitali, li joffru sigurtà akbar, konvenjenza, u kontroll aħjar fuq il-finanzi personali.

Minħabba li d-drawwiet finanzjarji qed jevolvu b’pass mgħaġġel, il-BOV jirrikonoxxi l-importanza li jgħin lill-klijenti jagħmlu għażliet infurmati dwar il-flus tagħhom. Permezz ta’ din il-kampanja, il-Bank qed jinkoraġġixxi lill-klijenti biex jagħżlu tranżazzjonijiet bil-kard u jnaqqsu trażazzjonijiet bla bżonn biex jiġbdu l-flus kontanti.

Biex ikunu eliġibbli għall-inċentiv, il-klijenti jridu jiġbdu sa €300 jew inqas kull xahar minn ATMs tal-BOV, fergħat, jew ATMs oħra, u jagħmlu mill-inqas tranżazzjoni waħda permezz tal-kards ta’ debitu jew tal-kreditu tal-BOV. Dawk kollha li jissodisfaw dawn il-kriterji se jkunu awtomatikament eliġibbli għal lotterija, fejn kull xahar, 60 rebbieħ se jintgħażlu b’mod każwali. Total ta’ 240 klijent se jibbenefikaw matul il-kampanja, u kull rebbieħ se jirċievi €125, ikkreditati direttament fil-kont tagħhom. Ir-rebbieħa jiġu nnotifikati bit-telefown fi żmien ġimgħa minn meta jittellgħu l-ismijiet rebbieħa.

Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-BOV, enfasizza l-importanza ta’ din l-inizjattiva, u qal: “Bħala parti mill-impenn kontinwu tagħna favur il-litteriżmu finanzjarju, irridu ninkoraġġixxu lill-klijenti biex jerġgħu jaħsbu dwar l-approċċ tagħhom lejn l-użu tal-flus kontanti. Il-pagamenti diġitali mhux biss huma aktar konvenjenti iżda joffru wkoll aktar sigurtà u għodod aħjar għall-immaniġġjar tal-finanzi. Din l-inizjattiva tippremja lill-klijenti li jagħmlu għażliet konxji dwar id-drawwiet finanzjarji tagħhom filwaqt li ssaħħaħ il-benefiċċji tat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-flus kontanti.”

Il-kampanja hija wkoll opportunità biex tinħoloq kuxjenza dwar ir-responsabbiltà finanzjarja u l-vantaġġi li toffri d-diġitalizzazzjoni. Chris Degabriele, Kap tal-eBanking żied jgħid: “Id-drawwiet tal-klijent qed jevolvu, u din l-inizjattiva hija mfassla biex tgħin li jitħaffef il-pass lejn finanzi diġitali. Irridu nagħtu lill-klijenti l-għarfien dwar il-vantaġġi li jkollhom meta jużaw il-kards u l-kartieri diġitali tagħhom minflok jiġbdu l-flus kontanti. Ir-rwol tagħna mhuwiex biss li nipprovdu soluzzjonijiet bankarji iżda wkoll li nedukaw u nagħtu l-appoġġ tagħna lill-klijenti biex jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet finanzjarji.”

Din l-inċentiva hija parti mill-isforzi tal-Bank biex jippromwovi l-litteriżmu finanzjarju, is-sigurtà u s-soluzzjonijiet finanzjarji diġitali. Meta jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq it-tranżazzjonijiet fi flus kontanti, il-klijenti jkunu qed igawdu minn esperjenza bankarja aktar effiċjenti, sigura, u konvenjenti.