Il-Gvern ta’ Robert Abela qed ifalli anke lill-isportivi u lill-isport f’pajjiżna.
Dan qalu fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u l-Isport David Agius wara l-aħbar żvelata dalgħodu minn Net News.
Il-PN insista li l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti m’għandhiex tkun ballun politiku fil-ġlied intern tal-Labour.
Il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb dwar il-kunflitti, tilwim u riżenji li qed jagħmlu ħsara fil-ħidma tal-AIMS.
L-isportivi u l-atleti f’pajjiżna li tant jagħmlu sagriffiċċji għad-dixxiplini tagħhom jistħoqqilhom awtoritajiet li jaħdmu biex jgħollu l-livell tal-isport u mhux awtoritajiet li spiċċaw għodda ta’ ġlied u tpattija bejn esponenti u fazzjonijiet differenti tal-Partit Laburista.
L-entitajiet tal-Istat mhux qegħdin hemm biex iwasslu l-messaġġi personali ta’ min suppost imexxihom, imma biex iservu lill-poplu.
Il-Partit Nazzjonalista mill-bidu għaraf l-importanza tar-rwol tal-AIMS u kien ta l-appoġġ sħiħ tiegħu għat-twaqqif tagħha.
Sfortunatament, din l-awtorità spiċċat b’mod konsistenti fl-aħbarijiet għal raġunijiet mhux mixtieqa, minkejja l-impenn ġenwin ta’ ħafna mill-ħaddiema ħabrieka tagħha.
Dan hu ta’ għajb f’aġenzija li twaqqfet bil-għan li sservi ta’ eżempju għall-għaqdiet u federazzjonijiet Maltin u Għawdxin u li minnhom, kif għandu jkun, qed tistenna standards ta’ kwalità.
Hu ta’ għajb akbar meta pajjiżna għandu ħafna x’joffri fl-isport u għandu jieħu kull opportunità biex jgħolli l-isem tiegħu fejn tidħol l-integrità u t-trasparenza.
Dan it-taħwid u n-nuqqas ta’ kontabbiltà qiegħed jagħmel biss ħsara lill-isport f’pajjiżna.
It-taħwid u l-konfużjoni bejn Ministeri, awtoritajiet u aġenziji tal-Gvern qed ikompli jżid l-inċertezza f’dan il-qasam, li s’issa għalih il-Gvern kellu ħafna kliem sabiħ u ftit wisq azzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Ministru kkonċernat, u jekk hemm bżonn lill-Prim Ministru, biex jieħdu l-azzjoni drastika meħtieġa qabel ma ssir aktar ħsara lill-integrità tal-isport f’Malta, li ironikament huwa proprju l-iskop tal-AIMS.
L-isport huwa eżempju ċar ieħor għaliex pajjiżna jeħtieġ bidla.
Dan hu Gvern li qed ifalli fl-oqsma kollha, anke fl-isport. L-isportivi tagħna jixirqilhom ferm aħjar.
//= $special ?>