Lokali

Il-ONE u Karl Stagno Navarra mgiddba mill-Pulizija

Għal darb’oħra, il-midja tal-Partit Laburista nqabdet f’gidba. Din id-darba kien Supretendent tal-Pulizija li ċaħad għal kollox stejjer li xxandru bi prominenza fuq is-sit tal-ONE u f’bullettini tal-aħbarijiet imxandra fl-aħħar ġimagħtejn fuq l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista.

Il-ONE irrepeta gidba li vvinta mill-eks preżentatur tal-istess stazzjon Karl Stagno Navarra dwar l-eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista u eks ġurnalist ta’ NET TV u TVM, Norman Vella.

F’post fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, Stagno Navarra ta tgħajjira lil Norman Vella għax skontu kien irrapporta lil ċertu Jeremy Portelli lill-Pulizija dwar hate speech. Stagno Navarra allega wkoll li Norman Vella ma telax il-Qorti meta ssejjaħ biex jixhed fil-każ kontra Jeremy Portelli. Iżda, kif ikkonfermat bil-miktub mis-Supretendent tal-Pulizija li mexxa l-każ, xejn minn dan ma kien vera.

Minkejja li Norman Vella kien minnufih ċaħad dak li kiteb Stagno Navarra, il-midja tal-Partit Laburista rrappurtat din il-fake news bi prominenza u għamlitha tagħha. F’rapporti differenti, il-ġurnalist tal-ONE Francesco Borg akkuża lil Norman Vella li kien qed jigdeb u li qed “jipprova jaħbi idu fil-każ”. Il-ONE kompla ma’ li qal Stagno Navarra u akkuża lil Norman Vella li wara li rrapporta lil dan Jeremy Portelli, “baqa’ ma tfaċċax meta kien imsejjaħ biex jixhed fil-Qorti.”

Fil-paġna tiegħu ta’ Facebook, Norman Vella qal li malli l-ONE u Stagno Navarra bdew ixandru din il-fake news huwa kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u talbu jikkonferma l-fatti. Il-konferma waslet dalgħodu b’żewġ emails miktuba mis-Supretendent Joseph Busuttil, li investiga u mexxa l-każ fil-Qorti kontra Jeremy Portelli.

Fl-emails, is-Supretendent Busuttil ikkonferma dak kollu li qal Norman Vella sa mill-ewwel ġurnata u li Stagno Navarra u l-ONE kienu qed ixandru fake news.

Is-Supretendent Busuttil ikkonfema li Norman Vella qatt m’għamel rapport lill-Pulizija dwar dak li kiteb Jeremy Portelli, u kkonferma wkoll li Norman Vella qatt ma ntalab jew issejjaħ biex jixhed fil-każ tal-Pulizija kontra Jeremy Portelli.

F’post separat, Norman Vella żvela wkoll li Jeremy Portelli tressaq il-Qorti mill-Pulizija għax “fl-anniversarju tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fil-paġna tal-istazzjon nazzjonali TVM, ħalla kumment li fih esprima l-ferħ tiegħu għall-fatt li Daphne nqatlet.”

Vella qal li filwaqt li huwa dibattibli kemm dak li kiteb Portelli jikkonsistix f’hate speech li jikser il-liġi, m’hemmx dubju li dan huwa “diskors tassew diżgustanti u ta’ stmerrija”. Għalhekk, huwa qal li se jkun qed jikteb lill-Prim Ministru Robert Abela u lil uffiċjali oħra tal-Partit Laburista biex jistaqsihom jekk jikkundannawx jew jappoġġjawx diskors bħal dak li kiteb Portelli dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.