Żagħżugħ ta’ 26 sena residenti Bormla kellu l-piena ta’ ħabs imnaqqsa b’sentejn mill-Qorti tal-Appell peress li piena ta’ sentejn ħabs fuq każ ieħor kien diġà skontaha. Omar Djelassi kien ġie kkundannat seba’ snin ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati wara li nstab ħati li ta n-nar żewġ karozzi.
Din il-piena niżlet għal ħames snin ħabs wara li nstema’ l-appell quddiem l-Imħallef Edwina Grima. Il-każ kien seħħ fis-16 ta’ Diċembru 2020, fl-Isla, meta qabbad karozza bil-konsegwenza li n-nirien infirxu u qerdu karozza oħra pparkjata viċin u kkaġuna ħsara f’dar fl-istess triq.
Huwa kien akkużat ukoll li kkaġuna dan ir-reat waqt perjodu li fih kien hemm fis-seħħ sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża kif ukoll li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor. Kien fit-18 ta’ Settembru li għadda li Djelassi nstab ħati fejn irriżulta li kien ta n-nar lill-karozza ta’ omm l-eks sieħba tiegħu u kien ikkundannat ħames snin ħabs fuq il-ħruq tal-karozzi u l-ħsara fid-dar.
Huwa kien ordnat ukoll mill-Qorti jħallas €1,300 lill-eks sieħba u lil ommha talli ħarqilhom il-karozza, €1,500 lis-sid tat-tieni karozza li nħakmet min-nirien u €5,500 lis-sid id-dar li sofriet ħsara bin-nirien. L-ewwel Qorti ordnat ukoll li tidħol fis-seħħ is-sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża li ngħata fit-18 ta’ Ġunju 2020 fuq każ ieħor.
Huwa appella fil-Qorti tal-Appell Kriminali, madankollu l-Imħallef Grima ċaħditlu l-appell dwar il-ħtija fuq in-nirien li qerdu l-karozzi u kkaġunaw ħsara f’dar. Dan wara li qalet li rriżulta li Djelassi kien fuq il-post fil-ħin meta seħħ ir-reat u żiedet li żewġ persuni rċevew kliem ta’ theddid mingħandu fejn ammetta magħhom li kien hu li ta n-nar lil waħda mill-karozzi.
Fl-istess waqt tatu raġun meta fl-appell qal li kien diġà skonta l-piena ta’ sentejn ħabs li kienet sospiża u għalhekk iddeċidiet li ma kellux jiskontahom.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Mario Xiberras.
//= $special ?>