Lokali Qorti

Keith Schembri informa lil Yorgen Fenech li Vince Muscat kien qed jikkopera mal-Pulizija

Keith Schembri kien informa lil Yorgen Fenech li Vince Muscat “Il-Koħħu”, wieħed dawk involuti fil-qtil tal- ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien qed jikkopera mal-Pulizija. Waqt laqgħa, Fenech informa lill-middleman Melvin Theuma fil-qtil tal-ġurnalista li Vince Muscat kien beda jkellem lill-investigaturi. Il-Pulizija akkwistat din l-informazzjoni minħabba li Theuma kien qed jirrekordja l-konversazzjoni.

Dan irriżulta meta l-Ispettur Shaun Friggieri kien qed jixhed fil-Qorti waqt proċeduri kriminali kontra l-Eks Chief of-Staff Keith Schembri li qed jiġi mixli li ħa ġurament falz u li kiser l-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali, f’dawk li qed jissejħu leaks li ħarġu minn Schembri.

L-akkużi jsegwu investigazzjoni ta’ ħames snin li nfetħet meta Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017, sostna li Schembri tah informazzjoni dwar l-investigazzjoni. Dak iż-żmien, Schembri kien iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat.

Ftit qabel il-laqgħa ma’ Fenech u Theuma, il-Pulizija sabet li Schembri kien ċempel il-mobile ta’ Yorgen Fenech minn fuq il-linja fissa tiegħu. Il-prosekuzzjoni sostniet li Schembri kien l-unika persuna li kienet taf b’dan l-inċident, hekk kif l-arranġament ta’ laqgħa mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex tiġi diskussa l-maħfra presidenzjali ta’ Muscat kien jeħtieġ l-involviment tiegħu.

L-Ispettur kien qed jixhed f’kawża kriminali talli allegatament Keith Schembri ħareġ informazzjoni dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Din il-laqgħa bejn Fenech u Theuma seħħet fil-25 ta’ April 2018, meta Vince Muscat, li ammetta li kien involut fil-qtil ta’ Caruana Galizia kien qed jgħin lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet filwaqt li kien qed jitlob maħfra presidenzjali.

Muscat, eventwalment ingħata sentenza ta’ 15-il sena għall-qtil ta’ Caruana Galizia. Yorgen Fenech qal lil Theuma: “Sieħbi ma jafx min hemm wara tan-nofs, imma jaf min hemm tan-nofs,” qal l-Ispettur. Wara l-ordnijiet ta’ Fenech, Theuma mar jinforma lil Mario Degiorgio – ħu l-aħwa George u Alfred Degiorgio li ammettew li qatlu lil Caruana Galizia, li Muscat kien qed ikellem lill-Pulizija.

Wara dan, Theuma qatta’ l-lejl jixrob hekk kif kien imħasseb dwar dak li kien qed jiżvela Vince Muscat. Meta qam, sab ħafna messaġġi mingħand Yorgen Fenech fejn kienu talbuh biex jieħu informazzjoni dwar l-investigazzjoni.

Peress li Theuma għall-ewwel ma weġibx il-messaġġi ta’ Fenech, Schembri tkellem ma’ Fenech u staqsieh jekk Theuma kienx qed jirrispondi jew le. L-ispettur irrimarka li peress li ma kienx qed jirrispondi, dan wassal għal paniku, hekk kif dakinhar filgħaxija, żewġ persuni dehru fid-dar ta’ Theuma biex “ikkalmawh”.

Dawn iż-żewġt irġiel kienu l-eks bodyguard ta’ Joseph Muscat – Kenneth Camilleri u Johann Cremona. F’seduta preċedenti, Camilleri xehed kif Schembri qallu biex imur “jikkalma” lil Theuma, li mbagħad talab kemm-il darba lil Camilleri għal aġġornamenti dwar il-ħelsien mill-arrest tal-qattiela ta’ Caruana Galizia.

Investigazzjonijiet mill-Pulizija skoprew ukoll chats fuq WhatsApp li wrew li Schembri u Fenech kienu qed jibagħtu messaġġi kontinwament minn Jannar 2019 sakemm in-negozjant ġie arrestat f’Novembru 2019. Kienu wkoll jikkomunikaw qabel dan il-perjodu, iżda l-mobile ta’ Fenech insteraq.

Matul dan il-perjodu, Schembri uża l-kelma bil-kodiċi “confi” (confidential) darbtejn meta bagħat xi ħaġa kunfidenzjali. Darba, f’Jannar tal-2019, Schembri bagħat digriet tal-Qorti li kien għadu ma ġiex rilaxxat. Darba oħra, fi Frar 2019, Schembri bagħat email tal-Pulizija interna lil Yorgen Fenech.

L-ispettur żied jgħid li fuq WhatsApp ma ssemmihx il-qtil ta’ Caruana Galizia. L-investigazzjonijiet sabu wkoll li Schembri u Fenech kienu qed jikkomunikaw fuq messaġġi bis-Signal, li kellu l-fakultà li jippermetti li l-messaġġi jisparixxu wara ċertu numru ta’ sigħat. WhatsApp fil-preżent għandu wkoll din il-funzjoni, iżda ma kellux fis-sena 2019.

Wara li rrevediet u stħarrġet il-mobile ta’ Fenech, il-Pulizija sabet li hu biddel is-settings tal-messaġġi li kienu sparixxew madwar 13-il darba. Kien hemm ukoll 149 sejħa tentattiva fuq Signal.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Claire Micallef Stafrace.

Għal Schembri dehru l-avukati Edward Gatt, Mark Vassallo, Sean Zammit. Is-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur tal-Pulizija Shaun Friggieri qed imexxu l-prosekuzzjoni. Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia kienu parte civile.

Il-każ se jkompli fil-1 ta’ April.