mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Hemm bnedmin li ssir taf u aktar ma tiltaqa’ magħhom aktar jikbru fuqek. Mill-ewwel impressjoni tiegħek tagħhom ’il quddiem timxi magħhom.
Kif qrajna fl-aħħar tax-xahar ta’ Frar minn Bin Sirak: “Fomm li jagħti gost ikattar il-ħbieb, u lsien li jitkellem tajjeb ikollu ħafna min jirrispettah.” Fil-ħajja propju f’dan titgħallem tapprezza dawk li meta jkellmuk tieħu l-ġdid mingħandhom. Iżżid f’dik l-informazzjoni li ġġorr ġewwa fik u li ħafna drabi takkumula sena wara sena.
Mhux kollox tiftakar imma tagħraf li qbadt triq u biex tinsab fejn tinsab tagħraf li kellek dawn il-mumenti sbieħ. Esperjenzi umani li wieħed japprezza ferm iktar meta llum il-passat jinsab kontinwament għall-bejgħ bi prezz dejjem inqas milli jixraqlu. Qed niċħdu lilna nfusna billi ninsew li dak li aħna ġej minn storja prezzjuża.
Hemm ukoll
Dawn il-bnedmin li jsiru speċjali għalik ikollhom ripożitorju ta’ għerf u informazzjoni fihom. Dik il-kumpanija li żżidlek fil-valur proprju minħabba dan kollu. Biss hemm tliet kategoriji f’din il-klassi ta’ persuni.
Hemm dawk li ġarrbu ħafna u kapaċi jirrakuntawlek bil-preċiż minn dak li għaddew, bil-memorja ċara u kostanti tagħhom fejn il-passat jibqa’ għalihom determinanti. Hemm dawk li ġarrbu ferm inqas imma żammew ħajjithom viċin il-kotba li jaqraw.
Kull ktieb fuq is-suġġett preferit u favorit tagħhom jixtruh u jaqrawh. Jagħqdu dak li diġà jafu ma’ dak li se jsiru. Anzi ħafna drabi kapaċi jqablu u lilek jgħaddulek ir-riflessjonijiet prezzjużi tagħhom. Hemm ukoll ma’ dawn it-tielet ġabra ta’ dawk li ġarrbu imma xorta ma jistriħux fuqhom infushom u jridu jaqraw u jfittxu kemm jistgħu.
Tinnota aktar b’dan
Tifhem aktar dan kollu meta ssib ruħek fil-mument li fortunatament għadna s’issa f’dan il-pajjiż nqisuh bħala l-aktar importanti. Fil-funerali tal-bnedmin tmiss mar-rispett tal-oħrajn fl-aktar ta’ dak li kien jew kienet għalihom dak li jkunu qed jattendu għalih. Għal dawn il-persuni partikolari u speċjali ssib diversi li jattendu għall-funeral tagħhom.
Dawk li meta ddur fil-knisja miġbura tinnota li qegħdin hemm għax bnew dak ir-rapport uman li jħossu grad ferm iktar ’il fuq minn dak ta’ rispett. Tħares u tibda mingħajr ma trid tagħraf li dak u l-ieħor ġew mhux għax sabu l-bieb tal-knisja miftuħ u daħlu għas-sempliċi kurżità, imma għax hemm rabta. L-okkażjoni tikber aktar meta s-saċerdoti preżenti wkoll ikunu hekk kif aktar min jagħmel l-prietka jkun minnha evidenti li jaf sew il-parruċċan li ġie nieqes.
Hekk kien
F’dan hekk ħassejt nhar il-Ħamis 27 ta’ Frar 2025 ġewwa l-Knisja ta’ San Lawrenz għall-quddies tat-8.30am. Kienet dik l-aħħar tislima lil Lorenzo Zahra. Solennità imma l-iktar dożi kbar ta’ rispett u mħabba.
Twieled fis-27 ta’ Diċembru 1926 u ġie nieqes fit-23 ta’ Frar 2025 ta’ tmienja u disgħin sena. Għex ħajja dedikata bl-istess prijorità u importanza għal San Lawrenz, il-Birgu u l-Knisja Kattolika. Iddedika ħajtu biex jaqra, jara, jitkellem u jsiefer biex iżid fil-konoxxenza u l-għerf tiegħu.
F’ħafna dawk preżenti kellhom it-tliet elementi f’posthom. Proprju għalhekk li kien hemm qbil ġenerali, kostanti mal-prietka sabiħa, diretta u mill-qalb tal-Arċipriet Dun Karm Busuttil. Ċert aktar ukoll li kull saċerdot li kien hemm xtaq huwa wkoll jgħid kelma fl-imħabba u r-rispett li dan il-bniedem ġeneruż kien.
Teżor
F’dan proprju għax ilkoll nagħrfu li dan il-bniedem kien mimli b’għerf u informazzjoni. Mhux biss qara diversi kotba u dokumenti ekkleżjastiċi ta’ pajjiżna imma kiteb ħafna. Ħalla warajh serje twila ta’ artikli u kotba, pubblikazzjonijiet ilkoll riċerkati ħafna.
Kulma kien jikteb ma stajtx tmerih. Fatti sodi ħafna. Spiss b’xi mod jew ieħor konna niltaqgħu iktar wara l-1990 meta beda l-Mużew fil-Birgu u kont nieħu lill-uliedi jarawh. Kien fil-fatt il-mument meta wara l-1987 beda proċess minn missieri biex il-Belt Vittoriosana tibda tieħu lura d-dinjità u l-ġieh li tixraqilha fil-patrimonju storiku sħiħ li b’mod partikolari l-Kavallieri ta’ San Ġwann ħallewna.
Kien hemm arja friska ta’ bidla fl-għarfien li l-passat ma kienx għar-rimi imma biex jiġi stmat u rispettat. Rabta tiegħi miegħu li kibret iktar meta fl-1998 ġejt elett u bdejt infendi jien ukoll bid-diskorsi, domandi parlamentari u artikli dwar il-Birgu.
Niftakru ġurnata minnhom kien ġie l-uffiċċju b’volumi sħaħ ta’ artikli li kien ippubblika biex ‘qabel nitkellem’ inkun naf aħjar l-affarijiet jien li għalkemm bin il-Kottonera, imma ma kontx bin il-Birgu. Artikli li kont qrajt u li ppermettewli napprezza ferm aktar dan il-bniedem umli, twajjeb u qalbu miftuħa.
Ġentili
Kien ukoll persuna mill-iktar ġentili, dejjem bi tbissima u maħkum mill-bżonn li jitgħallem aktar u fl-istess ħin li jaqsam dak li jaf. Ma kontx tarah jaħli ħinu u kollox kont narah iwettaq dejjem bi skop preċiż, determinat. Kellu missjoni li ried iwettaq u hekk fil-fatt għamel.
Niftakar lilu u lil ibnu Lawrence jgħiduli dwar kemm il-kappella, knisja u monument marru f’barra minn pajjiżna li kienu dedikati lil San Lawrenz. Ritratti varji u katalogi dettaljati ta’ ċertament diversi pajjiżi Ewropej x’kellhom. F’dan kellu l-vantaġġ sabiħ u wkoll diffiċli li kellu l-arkivju uniku tal-Kolleġġjata tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz. Ripożitorju ta’ informazzjoni twila li mertu tiegħu sar ħafna xogħol fuqha u ġiet iktar preservata wara dak li għaddiet minnu fl-attakk magħruf bħala tal-Illustrious ta’ Jannar 1941.
Xogħol li jimmerita jkun iktar kultivat u li jkun hemm fondi pubbliċi biex dawk id-dokumenti verament uniċi jinżammu. Hemm wirt uniku li ma għandniex nitilfu imma ninvestu fiħ.
Il-festa
Mal-festa kellu rabta sabiħa ħafna. Diversi drabi li attendejt fl-10 ta’ Awwissu proprju f’dak l-jum mill-isbaħ fejn diversi jiġu, hu kien ikun dejjem hemm. Isegwi dak li jingħad u wara meta konna niġu mistiedna fuq kien josserva b’attenzjoni l-preċiżjoni jew le tal-kontenut. Ħafna drabi kien iżid hu. Kien jkun ferħan ħafna li kollox sejjer tajjeb u li ħafna marru.
San Lawrenz kien f’qalbu minqux mhux biss għax il-patrun tiegħu, imma għax kien kiteb ħafna dwaru u sar parti integrali minn ħajtu. Hemm kont narah ċentru ta’ attenzjoni. Ħafna kienu jkellmuh, jistaqsuh u jinsistu li jgħidilhom fuq il-passat. Kien jgħaddi dan u jintilef aktar meta jsib li hemm min hu bl-istess imħabba bħalu. Kien il-bniedem li jidher fil-ġenb imma fil-fatt hu fiċ-ċentru. Tifħir ġenerali għalih kien hemm u kont tosserva kjarament.
Għadda minn ħafna
Persuna li mingħajr ma trid kif il-Ktieb ta’ Bin Sirak ikompli jgħidilna tikkonkludi: “Il-forn jgħaddi mill-prova xogħol il-fuħħari, hekk ukoll bniedem tagħrfu minn kliemu.”
Ħajtu kellha d-diffikultajiet tagħha imma qatt ma qata’ qalbu. B’fidi sħiħa fil-providenza, rabba familja mill-isbaħ. Kellu xogħol u r-riċerka kienet in-namra ċentrali tiegħu. Bata u stinka ħafna imma tgħallem l-aktar li l-ħin huwa prezzjuż. Ma għandekx taħlih u anzi għandek timla l-ġurnata b’kemm tiflaħ. Hekk kien jagħmel sakemm setgħa u felaħ. Dedikat, metikoluż u preċiż fi kliemu u ħidmietu. Persuna li se jħalli warajh memorja unika li jixraq li tiġi preservata. Mill-qalb insellmulu u niftakru li kif għallimna l-passat ma għandniex ninsewh imma nikkultivawh.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 4 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>