Kaos sħiħ fl-Awtorità għall-Integrità fl-Isport (AIMS) hekk kif fl-aħħar sigħat kien hemm numru ta’ riżenji.
Dawn ir-riżenji waslu wara rapporti fil-midja dwar l-Eks Deputat Laburista Jean Claude Micallef, li fl-aħħar xhur tpoġġa fit-tmexxija ta’ din l-Awtorità bħala Kap Eżekuttiv.
Dawn li rriżenjaw huma ċ-Chairman l-Imħallef Irtirat Antonio Mizzi, u anke Frank Camilleri li hu Direttur fil-Bord tal-AIMS u Segretarju tal-istess Bord.
Fl-ittra tar-riżenja li ngħatat lill-Prim Ministru, intqal li fl-Awtorità hemm “nuqqas kbir ta’ rispett”. B’Mizzi u Camilleri jippuntaw direttament lejn il-Kap Eżekuttiv Jean Claude Micallef.
Ir-riżenja waslet ukoll b’email għand il-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti Matthew Vella.
Jirriżulta li l-Bord kien urtat ferm għall-fatt li Jean Claude Micallef kien iddikjara li ma kellu ebda proċeduri ċivili jew djun ma individwi – xi ħaġa li ġiet imgiddba minn artiklu ppubblikat fl-aħħar jiem mit-Times. Apparti dan, hemm ukoll il-każ ta’ Jermain Brincat li jirriżulta li għadu jagħmel xogħol għall-kumpanija privata ta’ Micallef. Bl-akkuża tkun li dan mhu xejn ħlief kunflitt ta’ interess.
Domandi mibgħuta lbieraħ minn Net News baqgħu mhux imwieġba.
Dan is-sit staqsa fost l-oħrajn kemm ilu ma jiltaqa’ l-Bord, meta se ssir il-laqgħa li jmiss, u anke jekk hux qed issir investigazzjoni interna dwar ir-rapporti fil-midja tal-kuntratt ta’ Jermain Brincat.
//= $special ?>