Il-President Amerikan Donald Trump issospenda l-għajnuna militari li kien qed jagħti pajjiżu lill-Ukrajna.
Dan seħħ ftit jiem biss wara l-konfront li seħħ bejn Zelensky u Trump fil-White House. B’analisti barranin jgħidu li din il-mossa mill-Istati Uniti mistennija idgħajjef ċ-ċans li l-Ukrajna tirreżisti l-attakki kontinwi minn naħa tar-Russja.
Fl-aħħar sigħat…kelliem għall-White House stqarr li l-President tal-Istati Uniti kien ċar biżżejjed fuq il-motiv tiegħu, li jrid il-paċi. U allura hemm bżonn li l-kollegi jikkommettu ruħhom għal dan il-għan ukoll. Hu kompla billi qal li din il-pawża fl-għajnuna lill-Ukrajna qed isseħħ sabiex jaċċertaw rwieħhom li qed ikun hemm kontribuzzjoni vera għal soluzzjoni.
Għalkemm analisti internazzjonali qed jgħidu li minn din il-mossa ta’ Trump, l-uniku rebbieħ se jkun Vladimir Putin li se jżid l-attakki u l-ħruxijiet fuq il-poplu Ukren.
Intant, anke minn naħa tal-UE kien hemm żvilupp sinifikanti. Dan hekk kif il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ħabbret li ser tkun qed tippreżenta pjan fis-6 ta’ Marzu meta fi Brussell jiltaqgħu s-27 pajjiż membru.
Il-President tal-Kummissjoni qalet li l-Ewropa daħlet f’era ġdida. Dan filwaqt illi insistiet li l-akbar tħassib hu jekk l-UE hix lesta u preparata għas-sitwazzjoni preżenti fil-Lvant tal-kontinent tagħna.
Dan kollu għandu jiġi diskuss fis-summit ta’ nhar il-Ħamis li ġej fil-kapitali Belġjana.
//= $special ?>