Lokali

“X’għandu speċjali Byron Camilleri?”

Id-deċiżjoni li l-Prim Ministru Robert Abela ma jaċċettax ir-riżenja tal-Ministru Byron Camilleri mhux biss hija inkwetanti, iżda hija wkoll stramba.

Sostna dan il-Professur Andrew Azzopardi meta kien qed jagħmel intervent waqt il-programm NETLIVE fejn insista li filwaqt li l-Ministru Camilleri fl-opinjoni tiegħu ħa deċiżjoni tajba – deċiżjoni li skont Azzopardi kien imissu ilu li ħa – mhux jifhem ir-raġunament ta’ Abela li żammu miegħu.

Andrew Azzopardi fisser illi l-unika spjegazzjoni li hemm hi li Robert Abela ma jistax jitlef nies minn tiegħu, nies li jafdahom.

Madanakollu insista dwar il-ħtieġa li tintrefa’ responsabbiltà politika, lil hinn mir-responsabbiltà kriminali – responsabbiltà u kontabbiltà, bħal fil-każ tas-sospensjoni tal-Brigadier.

Dan kollu b’rabta mas-serqa ta’ aktar rminn mitejn u għorxin kilogramma reżina kannabis minn taħt idejn l-Armata – skandlu ieħor mal-lista ta’ Byron Camilleri. U li minkejja dawn l-iskandli kollha taħt ir-responsabbiltà ministerjali tiegħu…xorta waħda għad għandu siġġu fil-Kabinett…għad-differenza ta’ oħrajn.

Intant, Andrew Azzopardi insista li l-problema ta’ droga f’pajjiżna hija waħda serja ħafna, sfida li tinsab kullimkien, kriżi li qed tgħolli rasha b’mod allarmanti.