Internazzjonali

Zelensky xorta lest li jilħaq ftehim mal-Istati Uniti

Ftit wara l-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li se jissospendi l-għajnuna militari lejn l-Ukrajna, il-President tal-Ukrajna Volodymr Zelensky indika li huwa lest jiffirma trattat biex jagħti aċċess għar-riżorsi naturali ta’ pajjiżu lill-Istati Uniti, bħala pass ‘il quddiem lejn garanzija tas-sigurtà.

B’dan il-ftehim, l-Istati Uniti se jkollhom aċċess għal nofs ir-riżorsi naturali tal-Ukrajna, li jinkludu l-gas u minerali bħall-litju.

Minbarra hekk, Zelensky tkellem għall-ewwel darba dwar qbil għall-waqfien mill-glied li jista’ jaċċetta – fejn semma’ l-iskambju tal-priġunieri, waqfien mill-bumbardamenti u projbizzjoni fuq il-missilji, sabiex imbagħad iż-żewġ naħat ikunu jistgħu jiddiskutu trattat għall-paċi.

Dan kollu qed iseħħ ftit qabel l-indirizz minn Trump fil-Kungress Amerikan.

Intant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer qal li kien kuntent ħafna bl-impenn għall-paċi min-naħa ta’ Zelensky.