Il-vapuri u l-bastimenti jkomplu jniġġsu l-ilmijiet baħar tal-Unjoni Ewropea. Din hija t-twissija li toħroġ minn rapport ippubblikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA). Minkejja li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea qed titjieb u xi drabi hija saħansitra aktar stretta minn regoli internazzjonali, l-implimentazzjoni min-naħa tat-22 Stat Membru kostali tal-Unjoni Ewropea mhi sodisfaċenti xejn.
L-awdituri jwissu li l-azzjonijiet biex id-diversi tipi ta’ tniġġis ikkawżat mill-vapuri jiġu impediti, indirizzati, segwiti u ppenalizzati mhumiex tajbin biżżejjed.
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea tinkorpora regoli internazzjonali rilevanti — xi drabi b’rekwiżiti saħansitra aktar stretti — f’oqsma bħat-tniġġis miż-żejt, in-nawfraġji, u l-emissjonijiet tal-kubrit. Madankollu, l-awdituri tal-Unjoni Ewropea jwissu wkoll dwar lakuni li l-Unjoni Ewropea għad trid timla, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji tat-tniġġis.
Pereżempju, is-sidien tal-vapuri għadhom jistgħu jevitaw l-obbligi ta’ riċiklaġġ tagħhom billi jadottaw bandiera mhux tal-Unjoni Ewropea qabel ma jżarmaw il-vapuri tagħhom. Dan joħroġ ċar mid-data: filwaqt li, fl-2022, vapur wieħed minn kull sebgħa fid-dinja kien qed itajjar il-bandiera tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċifra għall-flotta li m’għadhiex tintuża kienet 50% inqas.
Bl-istess mod, ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontejners mitlufa l-baħar għadhom ’il bogħod milli jkunu inkontestabbli. L-ewwel nett, ma hemm l-ebda garanzija li t-telf kollu jiġi ddikjarat, u tieni, huma ftit ħafna l-kontenituri li jiġu rkuprati.
“It-tniġġis fil-baħar ikkawżat mill-vapuri għadu problema kbira, u minkejja li f’dawn l-aħħar snin sar xi titjib, l-azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea mhix biżżejjed biex toħroġna minn din is-sitwazzjoni diffiċli”, qal Nikolaos Milionis, il-Membru tal-QEA responsabbli għall-awditu. “Fil-fatt, huwa stmat li aktar minn tliet kwarti tal-ibħra Ewropej għandhom problema ta’ tniġġis. Fid-dawl ta’ dan, għad fadlilna x’naqdfu biex nilħqu l-ambizzjoni li neliminaw it-tniġġis, u b’hekk nipproteġu saħħet in-nies, il-bijodiversità u l-istokkijiet tal-ħut.”
L-awdituri jinnutaw ukoll li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma jużawhomx biżżejjed l-għodod li pprovditilhom l-Unjoni Ewropea biex tgħinhom jindirizzaw il-problema tat-tniġġis ikkawżat mill-vapuri. Eżempju ta’ għodda ta’ din ix-xorta huwa network ta’ bastimenti ta’ rispons standby għat-tixrid taż-żejt u d-detezzjoni bl-użu tad-droni. Eżempju li jispikka huwa s-Servizz Ewropew ta’ Monitoraġġ għaż-Żejt bis-Satellita (CleanSeaNet) għas-sorveljanza u l-identifikazzjoni bikrija ta’ inċidenti ta’ tniġġis possibbli.
Fl-2022–2023, huwa identifika total ta’ 7731 każ ta’ tixrid possibbli fl-ibħra tal-Unjoni Ewropea, l-aktar fi Spanja (1462), il-Greċja (1367) u l-Italja (1188). Madankollu, l-awdituri tal-Unjoni Ewropea sabu li l-Istati Membri ħadu azzjoni fuq inqas minn nofs dawn l-allerti, u kkonfermaw it-tniġġis biss f’7 % tal-każijiet. Raġuni waħda għal dan kien iż-żmien li għadda bejn meta ttieħdet l-immaġni satellitari u l-mument meta t-tniġġis ġie fil-fatt iċċekkjat.
L-awdituri sabu wkoll li l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma jwettqux biżżejjed spezzjonijiet preventivi tal-vapuri, u l-penali għal min iniġġes għadhom baxxi. Dawk responsabbli għall-iskariku illegali ta’ sustanzi niġġiesa fil-baħar rarament jingħataw pieni effettivi jew dissważivi, u l-prosekuzzjonijiet huma rari. Bl-istess mod, ftit Stati Membri jirrappurtaw ksur relatat mal-irkupru ta’ rkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew skartat.
B’mod ġenerali, l-awdituri jikkonkludu li la l-Kummissjoni Ewropea u lanqas l-Istati Membri ma jżommu sew taħt għajnejhom il-flus tal-Unjoni Ewropea użati fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-ilma baħar. Huma m’għandhomx stampa ġenerali tar-riżultati li fil-fatt inkisbu jew ta’ kif dawn setgħu jiġu replikati fuq skala akbar. Fl-istess ħin, l-awditu jiżvela li l-Unjoni Ewropea qed issibha diffiċli biex timmonitorja t-tniġġis ikkawżat mill-vapuri. L-ammont reali ta’ każijiet ta’ tixrid taż-żejt, kontaminanti u skart fil-baħar mill-vapuri għadu fil-biċċa l-kbira mhux magħruf, u lanqas mhi magħrufa l-identità ta’ min iniġġes.
It-tniġġis tal-ilma baħar
Vapuri bħal bastimenti tal-merkanzija, vapuri tal-kruċieri, laneċ tal-passiġġieri, bastimenti tas-sajd, u dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni huma sorsi notevoli ta’ tniġġis tal-ilma baħar. Huma responsabbli għat-tixrid taż-żejt, għall-iskariki tas-sustanzi kimiċi, għar-rimi skorrett tal-iskart, għall-emissjonijiet tal-gass, għat-telf tal-kontenituri, u għall-irkaptu tas-sajd skartat.
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha — li 22 minnhom għandhom kosta — jistinkaw biex jindirizzaw it-tniġġis ikkawżat mill-vapuri b’diversi modi, u għandhom objettiv ambizzjuż ħafna li, sal-2030, ma jkun hemm l-ebda tniġġis.
Ir-rapport ivvaluta l-azzjonijiet li l-Unjoni Ewropea ħadet biex tiġġieled it-tniġġis ikkawżat mill-vapuri matul il-perjodu minn Jannar 2014 sa Settembru 2024. L-awditu inkluda żjarat fi Franza u l-Ġermanja, li jkopru żewġ sottoreġjuni tal-baħar (il-Baħar tat-Tramuntana f’sens usa’ u l-Baħar Baltiku) li jirrappreżentaw it-tieni korsija ta’ tbaħħir l-aktar traffikuża fid-dinja.
Ir-Rapport Speċjali 06/2025, “Azzjonijiet tal-UE li jindirizzaw it-tniġġis tal-baħar ikkawżat mill-vapuri — Għad fadlilna x’naqdfu” huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-QEA.
//= $special ?>