Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima, li taħtu taqa’ l-Awtorità tal-Integrità fl-Isport, stqarr ma’ Net News li mhux se jaċċetta r-riżenji li ngħataw fl-aħħar jiem minn din l-istess Awtorità.
Dawn ir-riżenji waslu wara rapporti fil-midja dwar l-Eks Deputat Laburista Jean Claude Micallef, li fl-aħħar xhur tpoġġa fit-tmexxija ta’ din l-Awtorità bħala Kap Eżekuttiv.
Dawk li rriżenjaw huma ċ-Chairman l-Imħallef Irtirat Antonio Mizzi, u anke Frank Camilleri li hu Direttur fil-Bord tal-AIMS u Segretarju tal-istess Bord. Iżda jidher li l-Gvern ma laqax ir-riżenji tagħhom.
Mizzi u Camilleri ssejħu saħansitra Kastilja lbieraħ filgħaxija.
Il-Ministru Grima ddikjara wkoll li hu għandu fiduċja sħiħa f’Jean Claude Micallef u fil-Bord kollu tal-AIMS.
Ilbieraħ irrappurtajna kif il-Bord kien urtat ferm għall-fatt li Jean Claude Micallef kien iddikjara li ma kellu ebda proċeduri ċivili jew djun ma individwi – xi ħaġa li ġiet imgiddba minn artiklu ppubblikat fl-aħħar jiem mit-Times. Apparti dan, hemm ukoll il-każ ta’ Jermain Brincat li jirriżulta li għadu jagħmel xogħol għall-kumpanija privata ta’ Micallef. Bl-akkuża tkun li dan mhu xejn ħlief kunflitt ta’ interess.
Domandi mibgħuta jumejn ilu minn Net News baqgħu mhux imwieġba.
//= $special ?>