Knisja Lokali

L-Erbgħa tal-Irmied – bejn fidi u tradizzjonijiet

Wara jiem ta’ bluha, festi, kuluri u xalar, l-Erbgħa beda ż-żmien li jwassal għall-akbar festa tal-insara – il-Festa tal-Għid il-Kbir.

Iż-żmien tar-Radan huwa perjodu ta’  40 jum; proprju l-istess tul ta’ żmien kemm għamel Ġesù fid-deżert, mingħajr ikel u xorb. U għalhekk dan huwa żmien li fih bosta nsara jsumu minn xi affarijiet bħala forma ta’ penitenza.

Fil-passat bosta kienu dawk li kienu jsumu mill-ikel meqjus tas-sinjuri bħal ngħidu aħna laħam, bajd u ħalib. Madanakollu, matul iż-żmien dawn is-sagrifiċji saru jinkludu wkoll affarijiet li normalment nieħdu gost nagħmlu kif ukoll ix-xorb alkaħoliku sabiex b’hekk nifhmu aħjar it-tbatijiet li għadda minnhom Ġesù fid-deżert matul dawk l-40 jum li jissemmew fl-Iskrittura Mqaddsa.

Matul il-jiem tar-Randan, il-qassisin jilbsu l-kulur vjola waqt li l-Knisja wkoll tilbes dan il-kulur li jissimbolizza t-tbatija u s-sofferenza. Dan filwaqt li hemm parroċċi antiki li għadhom jużaw id-damask iswed – simbolu tal-passjoni.

Matul il-jum tiġi ċċelebrata wkoll il-Quddies tal-Erbgħa tal-Irmied, hekk kif waqt il-quddies iċ-ċelebrant ipoġġi l-irmied tal-Palm li jkun intuża f’Ħadd il-Palm ta’ Qabel, fuq moħħ dawk li jattendu għal din iċ-ċelebrazzjoni. Waqt li jlissen il-kliem mill-Irmied ġejna u Irmied nerġgħu nsiru.

Skont it-tagħlim tal-Knisja, persuni ‘l fuq minn 18-il sena u anqas minn 60 sena għandhom id-dmir li jsumu waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna kemm f’Ras ir-Randan u anka fil-Ġimgħa l-Kbira.