Lokali

Eks ħaddiema ta’ Dar Merħba Bik ngħaqqdu fit-tfittxija għal Martin Ambinette

Martin Ambinette, ir-raġel ta’ 65 sena residenti f’Dar Merħba Bik , għadu qed jiġi mfittex mill-Pulizija hekk kif ilu tlett ijiem ma jidher.

L-aħħar li deher Martin kien fit-2 ta’ Marzu għall-ħabta tal-4pm. Huwa kellu jirritorna lura fid-Dar għall-ħabta tas-6:30pm sabiex jieħu xi mediċina.

Martin ilu għal dawn l-aħħar 13-il sena resident f’Dar Merħba Bik flimkien ma’ żewġ ħutu li wkoll huma residenti f’din l-istess residenza.

Fil-passat, huwa sofra minn stroke li kkawżatlu problemi ta’ saħħa mentali, filwaqt li għandu wkoll pacemaker. Quddiem dan, eks ħaddiema ta’ Dar Merħba Bik ngħaqqdu fit-tfittxija għal Martin hekk kif ma jistax jgħaddi wisq ġranet mingħajr il-mediċina tiegħu.

Huwa deher l-aħħar il-Fgura u kien liebes qalziet u flokk iswed kif ukoll skufja bl-arma tal-Milan.

Riċentament, din id-Dar kienet taqa’ taħt it-tmexxija ta’ Fondazzjoni Wens iżda issa entità oħra ħadet taħt idea t-tmexxija ta’ din id-Dar; tibdil li sar mil-lum għall-għada minflok saret bilmod il-mod.

B’għadd ta’ residenti ħaduha bi kbira hekk kif dan fisser li tilfu ħaddiema u carers li kienu mdorrijin bihom. B’Martin saħansitra għamel il-jiem imsakkar f’kamartu meta qabel kienet l-għaxqa tiegħu li joħroġ u jiltaqa’ man-nies.

Fil-fatt, sorsi li tkellmu ma’ Net News ikkonfermaw li wara dan it-tibdil drastiku, Martin deher kwiet u maqtugħ waħdu filwaqt li saħansitra deher jibki.

U filwaqt li Martin dejjem kien jieħu l-mobile tiegħu miegħu, skont istituzzjonijiet mogħtija mid-Dar, dakinhar li deher l-aħħar ħalla l-mobile warajh.

It-tmexxija tal-Isptar Mater Dei ġew mistoqsija jekk Martin daħalx għall-kura fl-Isptar iżda dan irriżulta fin-negattiv.