Lokali

Għeluq mill-aqwa għall-Karnival wara jiem ta’ attivitajiet madwar Malta u Għawdex

Bil-karrijiet, briju, ferħ u żfin mill-aqwa ġie fi tmiemu l-karnival li kien mifrux fuq ħamest ijiem ta’ attivitajiet fil-Belt Valletta u f’irħula oħra madwar Malta u Għawdex.

Il-Karnival sar f’temp mill-isbaħ li ppermetta biex jittellgħu l-isfilati kollha u ż-żfin fi Pjazza San Ġorġ… u anke l-karrijiet li daru madwar it-toroq tal-Belt, b’mijiet jitilgħu lejn il-belt kapitali biex jaraw din l-arti li d-dilettanti jqattgħu xhur sħaħ jaħdmu fuqhom. Biex imbagħad, it-Tlieta sar id-Defile li ġab fi tmiemu l-Karnival fi Triq Sant’Anna, fil-Furjana.

Ma setax jonqos li matul dawn il-jiem saru kompetizzjonijiet ta’ żfin, sfilati, karrijiet u esebizzjonijiet oħrajn.

Sar ukoll il-karnival tat-tfal – u bħal kull sena, f’Għawdex sar il-karnival spontanju tan-Nadur, fejn spikkat is-satira, b’dawk l-iktar popolari kienu l-kostumi bit-toast, uħud iqassmu l-ID Cards foloz, u saħansitra oħrajn li libsu kostum tal-kannabis.

Karnival ieħor popolari kien dak ta’ Ħal Għaxaq, li wkoll ġibed lejh mijjiet ta’ persuni.