Internazzjonali

Iċ-Ċina lesta għal ‘kwalunkwe tip ta’ gwerra’ mal-Istati Uniti

Iċ-Ċina wissiet lill-Istati Uniti li lesta tiġġieled ‘kwalunkwe tip ta’ gwerra’ fost it-rabja dwar it-tariffi addizzjonali imposti fuqha mill-Gvern tal-President Amerikan, Donald Trump. L-Istati Uniti u ċ-Ċina, illum, jinsabu eqreb ta’ ‘gwerra kummerċjali’ wara li Trump ikkonferma t-tariffi ġodda għall-prodotti kollha taċ-Ċiniżi….Sitwazzjoni li fiha ċ-Ċina rritaljat bl-impożizzjoni ta’ tariffi ġodda fuq il-prodotti tal-biedja mill-Istati Uniti.

Iċ-ċirkustanzi, issa, qegħdin jidhru inkwetanti fost il-potenzjal ta’ riperkussjonijiet fuq livell globali.

Dan wara li l-Ambaxxata Ċiniża f’Washington enfasizzat, waqt messaġġ fuq is-sit ‘X’, li ‘jekk l-Istati Uniti tassew trid forma ta’ gwerra –dwar tariffi, kummerċ jew xi tip ieħor ta’ konflitt – iċ-Ċina tinsab lesta biex tiġġieled sat-tmiem’.

Dan kien l-aktar messaġġ aggressiv u allarmanti miċ-Ċina mindu Trump laħaq President tal-Istati Uniti…Diskors li jidher li kien ‘ippremeditat’ għal waqt l-inawgurazzjoni tal-Kungress tal-Poplu Nazzjonali li qed isir f’Beijing fost il-preżenza tal-ogħla mexxejja tal-pajjiż.

Il-Prim Ministu Ċiniż, Li Qiang, sadanittant, ħabbar li ċ-Ċina, din is-sena, mill-ġdid għandha żżid l-ispiża fuq l-aspetti ta’ difiża b’aktar minn seba’ fil-mija. Dan fost it-twissija ‘li l-bidliet konsistenti madwar id-dinja qegħdin jiżviluppaw b’rata li qatt ma rajna bħalha’.

Il-Mexxejja f’Beijing qed jippruvaw jibgħatu messaġġ lill-poplu Ċiniż li jinsabu fiduċjużi fit-tkattir tal-ekonomija minkejja t-theddida u l-effetti ta’ gwerra kummerċjali.

Dan waqt li ċ-Ċina trid twassal il-messaġġ – jew id-dehra – ta’ pajjiż stabbli u paċifiku, b’kuntrast mal-Istati Uniti…Potenza li Beijing ilu jikkritikaha dwar is-sehem tagħha fil-gwerer tal-Ukrajna u l-Lvant Nofsani.

Iċ-Ċina anki qed tittama li tibbenefika mill-impożizzjoni tat-tariffi tal-Istati Uniti fir-rigward tal-Kanada u l-Messiku – bil-kelliema f’Beijing, fil-preżent, qed iżommu lura minn ċertu diskors biex ma jnaffrux is-sieħba l-ġodda fuq livell globali.

Kollox jindika, għaldaqstant. li ċ-Ċina qed tittama biex, minkejja l-inċertezza tal-ekonomija globali, tattira dejjem aktar investiment minn barra

Iċ-Ċina, fil-passat, ukoll enfasizzat li kienet lesta biex tidħol fi gwerra….Dan meta l-President Ċiniż, Xi Jinping, xhur ilu, sejjaħ biex it-truppi ta’ pajjiżu jżidu ‘l-istat ta’ preparazzjoni għall-konflitt’ fost l-eżerċizzji militari li kienu għaddejjin fil-madwar tal-Gżira Stat tat-Tajwan.

Intant hemm differenza notevoli bejn kull diskors dwar ‘preparazzjoni’ u stqarrija espliċita fis-sens li pajjiż partikulari jinsab ‘lest biex jidħol fi gwerra’.