Il-Master plan għal Pjazza San Ġorġ fir-Rabat hija deċiżjoni faħxija u grotteska – il-pjazza qed tifga qalb l-imwejjed u s-siġġijiet waqt li tissoffoka lill-Bażilika ta’ San Ġorġ.
Dan ingħad mill-NGO Flimkien għal Ambjent Aħjar hekk kif ġie spjegat li wara li analizzaw il-Master Plan imbuttat mill-Gvern Laburista, ikkonfermaw li tali pjan jagħti l-barka u jillegalizza l-abbuż li qed isir mir-ristoranti u l-istabbilimenti fil-pjazza.
Huma spjegaw li r-residenti Rabtin ġew traduti mill-Awtoritajiet a skapitu tal-kummerċ li issa spiċċa jabbuża mill-ispazji pubbliċi kontra kull regola u drittijiet pubbliċi.
Iżda minflok iġibu l-interessi taċ-ċittadin l-ewwel, l-FAA spjegat li l-Awtoritajiet qed iħallu lin-negozjanti japplikaw u saħansitra jakkwistaw permessi uffiċjali.
L-NGO spjegat li l-Pjazza ta’ San Ġorġ isservi ta’ spazju ewlieni biex tgħaqqad il-Knisja mal-komunità u li b’dan il-mod qed telimina l-għaqda, u l-konnettività li hemm bejniethom it-tnejn. Apparti minn hekk qed tnaqqar għal kollox mill-identità unika tal-post.
Dan filwaqt li din l-attività kummerċjali deskritta bħala waħda goffa u esaġerata, qed tmur kontra l-Policy u l-linji gwida tal-istandards għall-Outdoor Catering. Dan hekk kif dawn l-imwejjed qed ikunu ta’ xkiel totali għat-tiġijiet, funerali u avvenimenti tal-komunità. Abbuż li qed iwassal biex iż-żgħażagħ, anzjani u familji jiċċaħdu milli jgawdu l-pjazza.
L-FAA spjegat li l-Master Plan ibiddel il-pjazza f’ċentru turistiku ieħor, fotokopja ta’ diversi zoni oħrajn – apparti minn hekk Fondazzjoni għal Ambjent Aħjar saħqet li dan il-pjan se jkun qed jagħti barka legali biex l-aċċess għal ambulanzi u fire engines ikunu ostakolati għal kollox – b’riskju serjissimu għaċ-ċittadin.
Huma appellaw sabiex il-pubbliku jwassal leħnu b’mod uffiċjali kontra dan il-proġett quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sal-Ġimgħa 7 ta’ Marzu – għaliex skont l-FAA huwa vitali li l-identita kulturali ta’ pajjiżna tiġi ppreservata – u mhux niftħu l-bieb għat-tgħaffiġ kummerċjali li faga pajjiż.
//= $special ?>