L-ewwel ġimgħa ta’ Marzu fissret il-bidu tar-Randan – perjodu li ma jfissirx biss erbgħin jum ‘il bogħod mill-Għid il-Kbir iżda anke żmien ta’ riflessjoni.
Waqt quddiesa li saret f’Ras ir-Randan fil-Knisja tas-Salib Imqaddes tal-Kapuċċini, il-Furjana, l-Arċisqof Charles J. Scicluna nsista li dawn il-jiem għandhom iservu bħala detox tar-ruħ u l-qalb tagħna sabiex ninħelsu minn kull valenu li qed iwassalna biex naġixxu l-oppost tal-valuri Kristjani.
“Neħtieġu neżaminaw lilna nfusna u nsaffu r-ruħ u l-qalb tagħna,” qal l-Arċisqof Scicluna. “Nagħmluha mhux għal għajn in-nies. Kull persuna trid tinfatam minn dak kollu li qed ikissirna, dak kollu li jagħmel qalbna tal-ġebel minflok tal-laħam.”
L-Arċisqof Scicluna nsista li filwaqt li s-sagrifiċċji matul dan iż-żmien, fosthom li nżommu lilna nfusna ‘l bogħod minn affarijiet fiżiċi li nħobbu, fakkar li l-bidu għal dan għandu jibda b’tindifa minna nfusna.
Fakkar li neħtieġu l-ewwel u qabel kollox naraw kif qed ngħixu ħajjitna, inkluż kif qed inġibu ruħna madwar persuni li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum.
Intant, fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof appella għal talb kontinwu quddiem il-kundizzjoni serja li l-Papa Franġisku jinsab fiha.
//= $special ?>