Internazzjonali

L-Istati Uniti: Trump, issa, iddeċieda biex ma jaqsamx aktar informazzjoni sigrieta mal-Ukrajna

L-Uffiċjali fl-Istati Uniti konfermaw li l-President Amerikan, Donald Trump, issospenda l-proċess għall-iskambju ta’ informazzjoni sigrieta mal-Ukrajna…Dan ftit wara li l-President Trump iddeċieda biex iwaqqaf, għalissa, l-assistenza militari lill-Ukrajna li qed tiddefendi ruħha kontra l-aggressjoni tar-Russja ta’ Vladimir Putin.

Mike Waltz, il-Konsulent Ewlieni Amerikan dwar is-Sigurtà Nazzjonali, qal li l-Istati Uniti, għalissa, qed iżżomm pass lura hi u tirrevedi l-aspetti kollha ta’ din ir-‘relazzjoni (mal-Ukreni)’.

Dan il-pass qed isegwi l-laqgħa taħraq u xokkanti tal-ġimgħa l-oħra fil-White House fejn spikka d-diżgwid profond bejn Trump u l-Viċi-President Amerikan, JD Vance fuq naħa u l-President Ukren Volodymyr Zelensky li insista dwar il-garanziji tas-sigurtà għal pajjiżu.

Intant, Zelensky, fl-aħħar sigħat, ħa l-passi biex jirranġa r-relazzjonijiet ma’ Washington — u Waltz, issa, qal li Donald Trump jista’ jiddeċiedi li jkompli bl-għajnuna lill-Ukrajna f’każ li jkun hemm progress ċar fit-taħditiet għall-paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja.

Madankollu, id-deċiżjoni biex l-Istati Uniti ma taqsamx aktar informazzjoni mal-Ukrajna għandha tħalli konsegwenzi kbar fuq il-front tal-gwerra bejn l-Ukreni u r-Russi – l-istess bħas-sospensjoni tal-għajnuna militari minn Washington lill-qawwiet ta’ Zelensky.

L-informazzjoni inkwistjoni kienet qed tgħin lill-Ukrajna biex tifhem ‘il-passi imminenti’ tar-Russja minn aspett strateġiku u loġistiku. Fin-nofs hemm anki l-kapaċità tal-Ukreni biex jifhmu t-tattiċi tal-gwerra tal-Kremlin u biex jindikaw il-pożizzjonijet tat-truppi Russi fl-Ukrajna.