L-Istati Uniti u Iżrael ma aċċettawx il-pjan tal-Istati Għarab għar-rikostruzzjoni tal-Medda ta’ Gaza wara l-gwerra …Pjan li suppost jippermetti biex it-2.1 miljun residenti Palestinjani jibqgħu jgħixu fl-artijiet ta’ Gaza.
Il-proposta – li l-Mexxejja Għarab aċċettaw waqt summit fil-Kajr – kienet l-alternattiva għall-idea tal-President Amerikan, Donald Trump, biex l-Istati Uniti tieħu l-kontroll ta’ Gaza waqt li tieħu ħsieb ir-rilokazzjoni permanenti tal-poplu Palestinjan.
L-Awtorità Palestinjana u l-grupp tal-militanti Ħamas laqgħu tajjeb il-pjan tal-Għarab li jsejjaħ biex Gaza titmexxa, temporanjament, minn kumitat ta’ esperti indipendenti. Dan il-pjan sejjaħ ukoll għall-istazzjonar tal-qawwiet internazzjonali għaz-zamma tal-paċi fl-artijiet speċifiċi.
Madankollu, il-Gvern Amerikan u l-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin qalu li l-pjan ‘tal-Għarab’ għal Gaza naqas milli jindirizza r-realtajiet fit-territorju….Dan waqt li huma appoġġjaw il-viżjoni ta’ Trump għal Gaza.
Sadanittant, is-summit tal-Kajr seħħ fost it-tħassib li l-ftehim fraġli għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza kapaċi jikkolla minn ħin għall-ieħor wara li, fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, skadiet l-ewwel fażi tal-patt (valida għal sitt ġimgħat ).
Dan ukoll meta Iżrael waqqaf l-għajnuna milli tidħol fl-artijiet ta’Gaza bl-iskop li l-Ħamas jaċċetta l-proposta tal-Istati Uniti għal estensjoni temporanja tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied….Estensjoni li tippermetti għat-tkomplija tal-iskambju bejn l-ostaġġi Iżraeljani u l-priġunieri Palestinjani.
//= $special ?>