Futbol Sport

Liverpool b’rebħa importanti f’Pariġi, Bayern b’vantaġġ komdu fuq Leverkusen

Liverpool li qed jiddominaw il-premiership kisbu rebħa anki f’Pariġi kontra PSG biex għamlu pass importanti lejn il-kwalifikazzjoni għall-kwarti finali tal-UEFA Champions League.Iżda kienet rebħa qarrieqa għaliex PSG kellhom logħba verament tajba u ma kienx jimmerithom dan ir-riżultat.

PSG kellhom diversi ċansijiet ta’ skor iżda ma setgħu isibu x-xibka tar-Reds.Għal Liverpool ma kinitx l-aħjar prestazzjoni f’dan l-istaġun fejn kienu dominati għal ħinijiet twal. Iżda Liverpool kisbu rebħa prezzjuża grazzi goal skorjat mis-sostitut Elliott fis-87 minuta.

Bayern Munich ukoll għandhom sieq waħda fis-semi finali meta fid-derby kontra Bayer Leverkusen rebħu 3-0 grazzi għal doppjetta ta’ Harry Kane. Kien l-attakkant Ingliż li fetaħ l-iskor fid-disa’ minuta b’daqqa ta’ ras fuq kross ta’ Olise.Fl-54 minuta Musiala skorja t-tieni goal u Bayer Leverkusen sofrew daqqa oħra fit-62 minuta meta Mukiele ntwera t-tieni karta safra.Kwarta mit-tmiem Bayern ingħataw penalty u Harry Kane skorja b’xutt mill-isbaħ fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Barcelona wkoll għamlu pass importanti lejn il-kwalifikazzjoni meta għelbu lil Benfica 1-0 f’lisbona, u dan minkejja li lagħbu kważi l-logħba bi plejer inqas.Dan meta fit-22 minuta tkeċċa Cubarsi. Iżda mas-siegħa logħob Raphinia skorja l-goal tar-rebħa meta ħataf inċertezza tad-difiża ta’ Benfica.

F’Rotterdam Inter ukoll prattikament qqatgħu passaġġ għall-kwarti finali meta għelbu lil Feyenoord 2-0.Għal Inter goal f’kull taqsima fejn kien Thuram li fetaħ l-iskor fit-38 minuta u Lautaro Martinez għalaq il-logħba bit-tieni goal fil-bidu tat-tieni taqsima.