Lokali Qorti

Mixli li sawwat lil eks sieħba tiegħu għax marret tara logħba futbol

Raġel mit-Turkija ta’ 33 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Nadia Helena Vella li nhar it-Tnejn li għadda sawwat lis-sieħba tiegħu u kkaġunalha ġrieħi ħfief talli ma qaltlux li kienet sejra tara logħba futbol. Huwa ġie mixli li wettaq dan ir-reat għall-ħabta tal-4pm. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Ir-raġel li ismu mhux qed jissemma fuq ordni tal-Qorti anke biex tiġi protetta l-identità tal-allegata vittma, qal li jaħdem bħal chef f’lukanda u li bħalissa qed jgħix f’kamra fil-lukanda ta’ fejn jaħdem. L-inċident seħħ f’residenza fis-Swieqi. Huwa ġie mixli wkoll li kkaġunalha vjolenza fejn anke qattgħalha l-ħwejjeġ b’sikkina, liema ħsara taqbeż il-€233 iżda inqas minn €2,333.

L-Ispettur Antonello Magri qal li fit-3 ta’ Marzu kien infurmat kien hemm argument f’residenza fis-Swieqi fejn kien involut l-akkużat u fejn dan sawwat lis-sieħba tiegħu. Pulizija marru fil-post infurmawh u l-akkużat ġie arrestat.

Huwa ttieħed id-depot fejn wara li ġie mitkellem, tressaq il-Qorti. L-arrest ma ġiex ikkontestat mid-difiża. L-Avukat Franco Debono għal parte civile, talab id-divjet tal-ismijiet bil-Qorti tilqa’ t-talba. Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest li kien oppost mill-proskeuzzjoni minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi, li għad trid tixhed l-allegata vittma u li l-akkużat m’għandux rabtiet ma’ Malta.

L-Ispettur qal ukoll li din hi t-tieni darba li l-akkużat ħebb għall-vittma. L-Avukat Alex Scerri Herrera li deher għall-akkużat, qal li kieku persuna ma tingħatax il-pleġġ għax tkun trid tixhed il-vittma kieku ħadd ma jingħata l-ħelsien mill-arrest u li l-klijent tiegħu se jkun qed joqgħod fil-lukanda fejn joqgħod. Tenna wkoll li l-Qorti tista’ tordna lill-akkużat joqgħod għal dak li timponi fuqu. Tenna wkoll li l-akkużat ilu jgħix Malta tliet snin.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ li l-akkużat jaħrab minn Malta.

Għall-akkużat deher l-Avukat Alex Scerri Herrera filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-allegata vittma.