Opinjoni

OPINJONI: X’mentalità eduksportiva għandna?

Aħna l-kbar għandna naraw fit-tfal ‘champion’ kemm-il darba jipprattikaw xi forma ta’ sport u mhux meta jirbħu għaliex il-benefiċċji pożittivi fil-prattika huma bil-wisq akbar mir-rebħ momentanju li jiġi u jmur

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Niftakarni ftit snin ilu naqra l-bijografija ta’ Muhammed Ali, leġġendarju tal-Boxing. Ali, huwa wieħed mill-aktar personaġġi li jispirawni, anke jekk il-logħob tal-Boxing jattirani ftit li xejn.

Madankollu, fil-personalità sportiva ta’ Ali, dejjem sibt personalità b’saħħitha mentalment li emmnet li tista’ tasal u tikseb is-suċċess li taħdem għalih. Dan il-personaġġ jibqa’ magħruf fil-fatt, mhux biss għall-attitudni sportiva tiegħu fir-ring tal-ġlied, imma anke barra minnu għaliex kien influwenti tassew fi kliemu u anke f’għemilu.

Irrid nibda dan l-artiklu bi kwotazzjoni minn tiegħu, li tgħid hekk: “I hated every minute of training, but I said, ‘Don’t quit. Suffer now and live the rest of your life as a champion.” Xi tfisser il-kelma ‘Champion’, għalija hija suġġettiva ħafna, imma hija ispirazzjoni.

Is-suċċess fil-ħajja skolastika

Is-suċċess fil-ħajja skolastika nħarsu lejh biss – jew ħafna drabi – minn lenti akkademika. Ktibt ħafna drabi dwar dan in-nuqqas, għaliex l-edukazzjoni mhix biss il-kisbiet fuq il-karta, il-marki, il-gradi u l-assessjar imma għandha dejjem tkun l-esperjenza olistika li tifforma lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna, u l-isport għandu jkun inkorporat.

Dan l-aħħar, bħala pajjiż sirna nagħmlu ftit aktar enfasi fuq l-importanza sportiva u kif din tista’ tħalli impatt fuq il-ħajja studenteska, u waqt li nirrikonoxxi l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ din ir-relazzjoni, inqis li qabel kull bidla attwali trid teżisti dik fil-mentalità, u pajjiżna għadu mhux lest biex jimplimenta l-bidliet fil-mentalità biex jagħti aktar spazju lill-isport bħala parti integrali fid-dixxiplina tat-tfal u taż-żgħażagħ tagħna.

Statistika ta’ ftit snin ilu biss turi li kważi terz tat-tfal Maltin għandhom piż żejjed. L-istatistika dejjem tagħtina stampa li tqarreb lejn ir-realtà u li għandha l-għan li tqanqal id-dibattitu politiku u ġġib l-ideat għall-bidla. Din mhix statistika sorpriża. Li huwa sorprendenti huwa li minkejja kollox, bħala poplu nibqgħu inklinati lejn l-istess attitudnijiet passivi fejn tidħol ir-relazzjoni imprtanti bejn l-isport u l-edukazzjoni.

Studju interessanti ħafna (li kkwotajtu wkoll fuq xi programmi tar-radju u tat-televiżjoni) minn Brian Saliba u Ayrton Zarb – ippubblikat fit-18-il volum tal-Malta Review of Educational Research – jikkonferma l-importanza għal din ir-relazzjoni. Dan l-istudju juri li dawk l-istudenti li jipprattikaw l-isport għandhom possibbiltajiet aħjar li jtejbu l-marki akkademiċi tagħhom għaliex l-isport jistimula l-attenzjoni u l-produttività.

Fl-istudju tagħhom, li fih analizzaw studenti li resqu għall-eżamijiet tal-MASTEC (l-O’Levels) tal-Matematika u tal-Ingliż fl-2021 u fl-2022 u joħroġ li l-prestazzjoni fil-Matematika kienet aktar vantaġġjata għaliex l-eżerċizzju fiżiku jikkontribwixxi għal funzjonijiet konjittivi aħjar u jgħin fil-ħiliet ta’ problem-solving u ‘logical reasoning’.

Mela, għandna f’idejna l-evidenza li nistgħu nikkapitalizzaw minnha. Nafu li minn etajiet żgħar, it-tfal qegħdin jiġu esposti għall-kultura sedentarja tipika li tiċċaqlaq biss fid-dinja virtwali tal-midja soċjali, tali kultura li qiegħda wkoll potenzjalment iġġib magħha serje ta’ problemi ta’ saħħa mentali u li mbagħad ikollha l-effetti tagħha fuq il-prestazzjoni skolastika.

Nafu wkoll li ħafna ġenituri ma għandhomx biżżejjed ħin għal uliedhom biex jgħinuhom jipprattikaw xi forma ta’ sport wara l-ħin tal-iskola, primarjament għaliex lanqas huma ma jipprattikaw sport. Il-ħajja mgħaġġla u kompetittiva f’dinja li dejjem qiegħda tibdel il-prijoritajiet tagħha mhix tagħti biżżejjed spazju lill-isport, u rridu nsibu biżżejjed inċentivi biex dan iseħħ. Inkella kull kitba, kull statistika u kull politika tkun inutli.

Il-bżonn li nrawmu mentalità ġdida

Il-proverbju Afrikan jgħid li “It takes a village to raise a child”. Dan ir-‘raħal’ ideali, f’dan il-kuntest li fih namalgamaw l-isport mal-edukazzjoni, jista’ jkun li diġà jeżisti f’kull skola. Għalhekk, ladarba nafu li mhux l-iskejjel kollha għandhom biżżejjed riżorsi u spazju (speċjalment kemm f’tal-Istat u f’tal-Knisja) irridu nibdew nindirizzaw din il-problema bis-serjetà.

Irridu nrawmu mentalità ġdida, u din irridu nibdewha mill-ġenerazzjonijiet li telgħin. Madankollu, it-tfal li llum ma jipprattikawx sport għaliex ma jridux għal xi raġuni jew oħra, irridu nifhmuhom ukoll.

 Iddeċidejt li nagħmel riċerka ħafifa dwar x’jistgħu jkunu r-raġunijiet li għalihom it-tfal tagħna għadhom mhumiex isibu żvog fl-isport. Mela, l-ewwel nett, bħala ġenituri rridu naċċettaw li l-għażla tal-isport tagħna mhix neċessarjament dik li tapplika għat-tfal tagħna. Għalhekk, irridu nesponuhom għal dixxiplini ta’ sport differenti, sabiex jaraw anke dak li għalihom mhux meqjus bħala sport adattat. Jekk kemm-il darba t-tfal jagħżlu li jissoktaw fl-isport li rriduhom aħna, jafu jħossuhom taħt pressjoni kontinwa li jkollhom prestazzjonijiet tajbin skont kif mistenni mill-ġenituri.

L-isport għandu jkun mezz ta’ pjaċir, rilassament u eżerċizzju aktar minn kollox, speċjalment fl-etajiet żgħar. Irridu nagħtu l-ispazju lit-tfal sabiex jifhmu l-importanza tal-isport qabel innisslu fihom is-sens ta’ kompetizzjoni.

Iċ-‘champion’ li għandna naraw fit-tfal

It-tfal tagħna ma jistgħux jieqfu u ma għandhom qatt jaqtgħu qalbhom, bħal fi kliem Mohammed Ali. Aħna l-kbar għandna naraw fihom ‘champion’ jekk kemm-il darba jipprattikaw xi forma ta’ sport u mhux meta jirbħu għaliex il-benefiċċji pożittivi fil-prattika huma bil-wisq ħafna aktar benefiċjali mir-rebħ momentanju li jiġi u jmur.

Dan iġibni biex nistaqsi, x’mentalità eduksportiva għandna f’Malta?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 5 ta’ Marzu, 2025.