Lokali

“Pajjiżna jrid nifs ġdid” – Il-PN jisħaq li l-Gvern qed iżid dejn rekord fuq il-pajjiż

Taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela d-dejn tal-pajjiż qabeż l-għaxar biljun ewro; rekord li jkompli jitfa’ piż kbir fuq spallejn il-familji Maltin u Għawdxin fost il-problemi mhux biss tad-dejn iżda anke sfidi ambjentali u infrastrutturali.

Sostnew dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione flimkien u x-Shadow Minister Jerome Caruana Cilia f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Centrali tal-PN.

Jerome Caruana Cilia sostna li d-dejn tal-pajjiż tul it-tmexxija ta’ Abela flimkien mal-Ministru Clyde Caruana qabeż l-€10.5 biljun fejn fl-aħħar sena żdied b’madwar €800,000.

Id-Deputat Nazzjonalista spjega li rekord ta’ dejn ifisser rekord fuq l-interessi… u li l-poplu qed iħallas eluf ta’ ewro kuljum f’imgħax fuq id-dejn. 

Intant, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione sostna li l-qasma tad-dejn minflok qed tidjieq qiegħda dejjem titwessa’ – dejn li qed jaffettwa direttament il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

Huwa insista li ċertament mhux kollox sar ħażin fl-aħħar snin, madanakollu huwa ċar li d-dejn nazzjonali żdied, u żdied mhux kollu kemm hu f’investiment favur il-familji, iżda partikolarment marru biex iħaxxnu l-bwiet tal-qalba.

Għaldaqstant, huwa appella sabiex nhar il-Ħadd li ġej il-poplu jattendi favur pajjiżna – għaliex f’Malta l-flus għandhom jintefqu ferm aħjar; fost oħrajn f’pagi li jingħataw lil persuni kwalifikati u li ħaqqhom .

Dan hekk kif huwa stqarr li hawn min qed jokkupa pożizzijonijiet u li qiegħdin hemm għax huma qrib tal-qalba… għad-detriment taċ-ċittadin.