Il-fiduċja tan-nies fil-Korp tal-Pulizija ilha suġġett ta’ diskussjoni għal żmien twil. U numru ta’ avvenimenti riċenti reġgħu qajmu domandi dwar jekk din il-fiduċja hix verament b’saħħitha daqskemm qed jgħid il-Prim Ministru; bil-gazzetta Times of Malta turi biċ-ċar kif din ir-retorika ta’ Robert Abela, fil-parti l-kbira tagħha, hija falza.
Skont ċifri tal-NSO għall-2022, 90% ta’ dawk li wieġbu esprimew xi livell ta’ fiduċja fil-Pulizija, bi kważi 45% qalu li jafdaw ħafna lill-Korp.
Iżda stħarriġ tal-Eurobarometer wera li jeżisti tħassib dwar il-korruzzjoni, u jemmnu li l-korruzzjoni hija preżenti fl-infurzar tal-liġi.
Il-fact checker tat-Times analizza kif diversi każijiet riċenti affettwaw il-kredibbiltà fil-Korp tal-Pulizija.
Eżempju ċar kien il-qtil traġiku ta’ Nicolette Ghirxi li kien qajjem mistoqsijiet dwar jekk ir-rapporti ta’ fastidju u theddid ittiħdux bis-serjetà biżżejjed mill-awtoritajiet qabel ma seħħ id-delitt.
Il-Korp kellu jindirizza wkoll sfidi interni, inkluż rata ta’ riżenji li qed tiżdied fost l-uffiċjali, li tista’ tħalli impatt fuq l-effiċjenza – fejn rapporti jissuġġerixxu li n-numru ta’ riżenji żdied b’mod sinifikanti matul l-aħħar għaxar snin, u jindikaw nuqqas ta’ sodisfazzjon fost dawk li jaħdmu f’din l-istituzzjoni li taqa’ taħt Byron Camilleri.
Filwaqt li l-aktar statistika riċenti tal-NSO tpinġi stampa ta’ fiduċja qawwija, l-avvenimenti fl-aħħar snin jissuġġerixxu li din il-fiduċja qed tonqos. U allura, il-fact checker jgħid li dak li ntqal fl-aħħar xhur… u d-dikjarazzjonijiet fost l-oħrajn tal-Prim Ministru… huma fil-parti l-kbira tagħhom foloz.