Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lill-eks deputat tal-PN John Vella

Fil-Knisja parrokjali tal-Gżira ingħatat l-aħħar tislima lit-tabib John Vella li jibqa’ magħruf bħala dik il-persuna li tat ħajjitha għas-soċjetà Maltija.

Waqt l-omelija tal-funeral tiegħu, l-eks deputat Nazzjonalista John Vella ġie deskritt bħala bniedem li dejjem kien integru, u dejjem mexa f’ħajtu b’unur, rispett u determinazzjoni.

Fil-fatt, dawk kollha li kellhom ix-xorti li jiltaqgħu ma’ John Vella matul ħajjithom jafu kif hu qatt ma ħadem bil-kejl, imma dejjem assigura li jaqdi dimirijietu. U dan apparti li kien raġel tal-familja; tant li l-qraba tiegħu dejjem ġew l-ewwel u qabel kollox.

Preżenti għall-funeral kien hemm fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u għadd ta’ deputati Parlamentari.

John Vella miet fl-età ta’ 86 sena.

Hu serva bħala Membru Parlamentari Nazzjonalista, fejn tela’ l-ewwel darba fil-Parlament Malti lura fl-1981. Dan apparti karriera twila fis-settur mediku fil-ħidma tiegħu bħala tabib, magħruf l-iktar fil-komunità tal-Gżira.

John Vella kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq id-9 u l-10 distretti filwaqt li serva f’diversi kumitati u ġġieled kemm felaħ il-vjolenza politika tas-soċjaliżmu estrem tat-tmeninijiet.