Tliet studenti u lettur ġew akkużati li iħekkjaw l-akbar app għall-istudenti – “FreeHour” aktar minn sentejn wara li rrappurtaw li kien jeżisti nuqqas ta’ sigurtà lill-kumpanija. L-istudenti Michael Debono ta’ 22 sena, Giorgio Grigolo ta’ 21 sena, Luke Bjorn Scerri ta’ 23 sena ġew mixlija li kisbu aċċess mhux awtorizzat għall-applikazzjoni.
Grigolo qed jiġi mixli wkoll li għamel bidla fl-app, għalkemm qaleb l-applikazzjoni għal kif kienet. Il-Lecturer Mark Joseph Vella ta’ 45 sena jinsab mixli li kien kompliċi ta’ dawn ir-reati, hekk kif qara email li l-istudenti bagħtu lil FreeHour, fejn infurmahom bil-vulnerabbiltajiet li sabu fl-app tagħhom.
Huma wieġbu mhux ħatja wara li tressqu b’ċitazzjoni. F’Ottubru 2022, l-istudenti kienu qed jiskennjaw is-softwer tal-app meta sabu xi nuqqasijiet. Grigolo għamel bidla fl-app, biex jipprova li FreeHour kellha ksur fis-sistema.
Ittieħdet screenshot ta’ dak li bidlu u mbagħad reġgħu poġġew kollox lura għal kif kien ftit wara. Huma bagħtu imejl lill-fundatur tal-FreeHour Zach Ciappara bis-sejbiet tagħhom u talbu premju – magħruf bħala ‘bug bounty’ – talli ndunaw bl-iżball.
Hija prattika komuni għall-kumpaniji li jippremjaw il-hackers etiċi meta jinfurmawhom bi ksur fis-sistema tagħhom.Wara li rċieva l-email, Ciappara informa lill-pulizija dwar l-email li rċieva, u dan wassal għall-investigazzjoni.
F’Novembru tal-2022, Scerri, Grigolo u Debono ġew arrestati fi djarhom, ittieħdu taħt arrest u strip searched. Il-pulizija fittxew ukoll djarhom fejn ikkonfiskaw numru ta’ tagħmir teknoloġiku. Ir-raba’ student, Luke Collins, li dak iż-żmien kien arrestat ukoll, tħalla barra mill-akkużi.
Ciappara kien qal li hu kien “legalment marbut li jippreżenta rapport tal-ksur potenzjali tad-data u għamel dan fl-iskadenza legali”. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia semgħet il-każ. L-Ispetturi Markus Cachia u Warren Muscat, flimkien mal-avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Mauro Abela u Daniel Vancell, mexxew il-prosekuzzjoni.
L-avukati difensuri Joe Giglio, Michaela Giglio, u Roberto Montaldo rrappreżentaw lill-istudenti. L-avukati difensuri Michael Sciriha u Lucio Sciriha rrappreżentaw lill-lettur.
//= $special ?>