Il-Ħamis filgħodu l-Kap tal-PN Bernard Grech wasal fil-kapitali Belġjana għas-summit importanti tal-Partit Popolari Ewropew; summit li sar eżatt qabel il-Kunsill Ewropew straordinarju rigward is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.
Bernard Grech kien preżenti għal-laqgħa tal-EPP, fejn kien hemm preżenti fost l-oħrajn il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-President tal-EPP Manfred Weber u diversi mexxejja oħrajn u Prim Ministri minn madwar l-Ewropa.
Waqt il-laqgħa, hu enfasizza fuq l-importanza li naħdmu flimkien bħala Unjoni sabiex niddefendu l-kontinent tagħna minn kull tip ta tiranijja – dan fost l-appelli kontinwi tiegħu sabiex din il-gwerra tiġi riżolta kemm jista’ jkun malajr.
Hu sostna illi l-Partit Nazzjonalista jemmen li għandha ninvestu bl-aħjar mod fid-difiża; mhux sabiex niġġieldu l-Gwerer iżda sabiex niddefendu lil poplu Malti u Għawdxi kollu minn kull tip ta’ periklu – kemm periklu barrani u kemm dak domestiku.
F’dan is-summit, Bernard Grech tkellem fuq il-fatt li din il-Gwerra fl-Ukrajna qed tħalli wkoll impatt ekonomiku fuq iċ-ċittadini Ewropew. Hu qajjem ukoll diversi punti dwar diffikultajiet varji li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin bħalissa qed jgħaddu minnhom ta’ kuljum – fosthom sfidi tal-għoli tal-ħajja u l-isfida tal-over-popoulation.
Fi Brussell, Bernard Grech kellu diversi laqgħat bilaterali, fosthom mal-Viċi Prim Ministru Taljan Antonio Tajani.
Għal din iż-żjara il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea.






