L-eks gowlkiper tat-tim nazzjonali Taljan, Gianluigi Buffon ilu sentejn li waqaf jilgħab. Hu kien irtira ta’ 45 sena wara karriera mill-aqwa, fejn rebaħ 28 unur mal-Italja, Juventus u lejn l-aħħar tal-karriera tiegħu fi Franza ma’ PSG.
Il-popolaritá tiegħu f’Malta u mal-publiku sportiv lokali, minn dejjem kienet kbira, anke għaliex Buffon kemm il-darba ġie Malta, mhux biss biex jilgħab iżda anke għal kawżi ġusti, bħal meta kien il-mistieden ta’ Puttinu Cares, biex jgħin fil-ġbir ta’ fondi.
Illum Buffon għandu 47 sena, u ħafna jikkonsidrawħ bħala wieħed mill-aqwa gowlkipers dinji ta’ kull żmien. Il-Maltin, mhux biss partitarji ta’ Juventus, baqgħu jammirawħ sal-lum, tant li din is-sena hu spiċċa kien wieħed mil-protagonisti tal-Karnival ta’ Malta.
Il-kumpanija li ta’ kull sena tieħu sehem fid-diversi kompetizzjonijet tal-Karnival, inkluż dawk għad-disinn tal-isbaħ karru, Triton Carnival Company għażlu li jibnu karru oriġinali, bil-figura rebbieħa ta’ Buffon bit-trofew tat-Tazza tad-Dinja, li t-tim nazzjonali Taljan, li hu kien jifforma parti minhu fl-2006 kienu rebħu l-unur ta’ champions tad-dinja.
Dan il-karru ġibed l-attenzjoni ta’ bosta, anke internazzjonalment u spiċċa biex kien il-karru rebbieħ fil-kategorija rispettiva tiegħu. Illum wara nofs in-nhar, fuq il-paġna soċjali u uffiċjali tiegħu, Buffon tella’ ir-ritratti ta’ dan il-karru Malti, u feraħ lill-kumpanija Maltija għall-biċċa xogħol mill-aqwa li saret minn dawk involuti.
Buffon ikkumenta billi stqarr li jħossu onorat li hu kien il-personalitá magħżula f’Malta fil-binja ta’ karru tal-karnival. “Matul dawn l-aħħar ġimgħat, kelli l-pjaċir li kontinwament nirċievi vidjows u ritratti li jiddokumentaw ix-xogħol li kien qed isir fuq dan il-karru, u sinċerament nixtieq ngħid prosit kbira għax-xogħol mill-isbaħ li sar. Ukoll, smajt li dan il-karru kien dak rebbieħ, għalhekk l-awguri tiegħi huma doppji!,” temm jgħid Buffon.
//= $special ?>