Lokali

“Il-Gvern għandu jirriforma l-liġijiet li qed jixħtu lil studenti u għalliema innoċenti l-ħabs, mhux il-liġijiet li jressqu lill-kriminali l-Qorti” – Il-PN

L-akkużi fil-konfront tat-tliet studenti u l-lettur mixlija b’hacking għandhom jitwaqqgħu

L-aħħar żviluppi dwar il-każ tat-tliet studenti u lettur tal-Università li tressqu l-Qorti b’akkużi ta’ hacking ikomplu jikkonfermaw kemm għandna Gvern li jitlaq jiġri jilleġiżla biex jgħatti xturu imma m’għandu l-ebda interess li jirriforma liġijiet li qegħdin hemm biex iħarsu lill-poplu, u f’dan il-każ lil studenti żgħażagħ u għalliem.

It-tliet studenti u l-lettur tagħhom kienu qegħdin biss jagħmlu dak li suppost jagħmlu, jiġifieri jfittxu nuqqasijiet li jistgħu jwasslu għal hacking ta’ applikazzjonijiet minn min irid jagħmel dan għal skopijiet ħżiena.

L-ethical hacking, kif inhu magħruf, huwa intiż li jsib in-nuqqasijiet f’applikazzjonjiet, biex dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati.

Imma għax f’Malta għad m’għandniex liġijiet aġġornati għall-ġurnata tal-lum, minflok ingħataw kredtu ta’ xogħolhom, l-istudenti u l-għalliem tagħhom sabu l-liġi kontrihom, kellhom l-apparat tagħhom ikkonfiskat, u issa se jitressqu l-Qorti.

Meta beda l-każ, il-Partit Nazzjonalista kien appella lill-Gvern biex jemenda l-liġijiet biex jirrifflettu r-realtajiet tal-lum. Imma għax il-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh, għax ma jikkonċernax lil xi ħadd minn tiegħu, baqa’ ma għamel xejn u issa għandna studenti tagħna u għalliem li qed jirriskjaw il-ħabs.

Jekk il-Gvern irid jittieħed bis-serjetà dwar ic-cybersecurity u dwar kemm għalih l-edukazzjoni, l-istudenti u l-għalliema huma prijorità, għandu minnufih jara li l-liġijiet dwar dan il-qasam jagħtu protezzjoni liċ-ċittadini ta’ rieda tajba u mhux ipoġġu nies innoċenti fir-riskju li jispiċċaw il-ħabs.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella għas-sens komun u jsostni li l-akkużi fil-konfront tat-tliet studenti u l-lettur għandhom jitwaqqgħu filwaqt li jinsisti li l-Gvern jieqaf ifalli liċ-ċittadini u jirriforma minnufih il-liġijiet li qed jonqsu b’mod ċar lil nies innoċenti.