Lokali

“Il-Maltin jixirqilhom gvern li jtejbilhom ħajjithom, mhux li jimla bwietu biss” – Il-PN

Kull ċittadin għandu dritt għal pajjiż ta’ opportunitajiet

Il-politika teżisti biex ittejjeb il-ħajjiet u biex tfassal il-futur tal-komunitajiet.

Illum f’Malta għandna Gvern li jeżisti biss biex itejjeb il-kontijiet tal-bank tiegħu u jfassal il-futur ta’ dawk ta’ madwaru biss.

Waqt konferenza tal-aħbaraijiet, ix-Shadow Ministers Charles Azzopardi u Albert Buttigieg qalu li filwaqt li Robert Abela u sħabu jħokku dahar xulxin u jaraw kif se jimlew bwiet xulxin – min b’xi cushy job għall-mara u min b’xi konsulenza għall-ħabib – il-Maltin u l-Għawdxin iridu jaraw kif se jgħaddu bil-prezzijiet dejjem jogħlew.

Robert Abela u l-Gvern tiegħu jużaw kliem sabiħ bħal “kwalità tal-ħajja”, imma l-ħajja ta’ kwalità mhux qed jgħixha kulħadd.

Żgur li mhux jgħixha dak l-anzjan li bi tbatija joħroġ minn daru biex imur l-ispiżerija għax mill-isptar qalulu li l-mediċini out of stock, u kellu jħallas għalihom mill-pensjoni tiegħu.

Żgur li mhux jgħixha dak il-missier li qed jaħdem żewġ jobs għax bil-paga tiegħu u tal-partner mhux ilaħħqu mal-ispejjeż bażiċi.

Żgur li mhux tgħixha dik iż-żagħżugħa ta’ 23 sena li spiċċat l-istudji tagħha u tixtieq tibda l-ħajja adulta tagħha imma ma tistax tagħmel dan għax bil-paga ma tistax tikri.

Żgur li mhux jgħixuha dak ir-raġel jew dik il-mara li għax iż-żwieġ fallielhom, spiċċaw lanqas għandhom biex jixtru jew jikru fejn jgħixu u kellhom imorru lura fid-dar tal-ġenituri.

Żgur mhux jgħixuha dawk li għax ma sabux l-opportunitajiet, spiċċaw jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali minflok qed jiffjorixxu bil-ħiliet tagħhom u b’sodisfazzjon għal dak li rnexxielhom jiksbu.

Il-kwalità tal-ħajja hija mibnija fuq ħafna fatturi: il-ġid maqsum b’mod ekwu, l-opportunitajiet ġodda, ambjent san li jżommok f’saħħtek, imma wkoll gvern li jinvesti fik u fl-ambjent tiegħek, gvern li jagħtik l-opportunitajiet u mhux iġibek tallab tiegħu, gvern li jagħtik tama ta’ futur aħjar, gvern li jemmen fik u jagħtik l-għodda biex tikber.

Kull wieħed u waħda minna għandu s-saħħa li jbiddel id-direzzjoni li qabad dan il-pajjiż.

Kull wieħed u waħda minna huwa strument tad-demokrazija. Demokrazija li dan il-Gvern qed jipprova jimminaha billi jfassal liġijiet biex ineħħi s-saħħa taċ-ċittadin milli jżommu kontabbli ta’ għemilu.

Kull wieħed u waħda minna għandu l-kapaċità li jixtarr dak li qed jiġri ta’ kuljum f’din Malta tagħna: il-qabża fejn min jitħanżer u min mejjet għal qatra, l-eżempji ħżiena li jagħtuna l-Ministri meta jonqsu f’xogħolhom imma mbagħad jippretendu li ċ-ċittadin joqgħod kwiet, it-tbatijiet ta’ ħafna li mhux jitkellmu għax jistħu jgħidu li għandhom problemi ta’ flus, l-ambjent li ntesa fuq il-billboards, l-istress tat-traffiku u tal-popolazzjoni li splodiet.

Dan kollu mmissu miegħu kuljum u bħala ċittadini Maltin għandna mhux biss id-dritt imma l-obbligu li nieħdu lura dak li dan il-Gvern serqilna, dak li hu tagħna lkoll.

Hu għalhekk, qalu x-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista, li ċ-ċittadini Maltin li jridu pajjiż ġust nhar il-Ħadd fit-3pm għandhom jingħaqdu mal-PN u jkunu quddiem il-Parlament għall-protesta Gvern li Falla.