Is-27 Mexxejja tal-Istati-membri tal-Unjoni Ewropea qed jiltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu l-appoġġ għall-Ukrajna…Sitwazzjoni li saret dejjem aktar urġenti meta l-Istati Uniti, li ilha tiggarantixxi s-sigurtà tal-kontinent miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra, illum, abbandunat dan il-kunċett ta’ solidarjetà hi u tfittex l-alleanzi ġodda – inkluż mar-Russja – li jistgħu ma jippermettux għas-sehem tal-Ewropej.
F’dan is-summit, il-Mexxejja tal-Ewropa u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, iddiskutew u kunsidraw il-mezzi kif huma jistgħu jittrasformaw l-industriji tad-difiża tal-Ewropa fis-snin li ġejjin…Industriji li jiffurmaw ‘ħajt ta’ protezzjoni’ kontra l-politika aggressiva mill-iStati ostili bl-ambizzjonijiet li jespandu l-artijiet taħt il-kontroll tagħhom.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ukoll jinsab preżenti fi Brussell u meta hu rringrazzja lill-Mexxejja Ewropej għall-appoġġ li ilhom jagħtu lil pajjiżu biex jirreżisti għall-aggressjoni tar-Russja u tal-President Russu Vladimir Putin. Hu qal li l-appoġġ tal-Istati Ewropej baqa’ jinħass sa mill-ewwel sigħat tal-gwerra u li l-poplu Ukren japprezza ħafna dan l-impenn ta’ solidarjetà.
Fl-istess ħin, it-trattament ta’ Zelensky mill-mexxejja fi Brussell kien għal kollox differenti mill-attakki verbali li hu kellu jsofri f’Washington waqt il-laqgħa tal-ġimgħa l-oħra mal-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-Viċi-President Amerikan, JD Vance.
Illum iżda, għad hemm il-mistoqsija kritika dwar kif l-Ewropa tista’ tpatti għas-sospensjoni tal-għajnuna militari mill-Istati Uniti għall-Ukreni fi żmien daqstant kruċjali tal-konflitt mar-Russja….Issue li għandha tkun trattata b’urġenza anki waqt li l-Ewropa tkompli ssegwi bir-reqqa l-politika barranija tal-Istati Uniti — l-istess bħall-manuvri ta’ gwerra min-naħa tal-Kremlin.
Fid-dawl tal-iżviluppi, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron wissa li d-dinja, illum, dieħla ‘f’era ġdida’ filwaqt li saħaq dwar il-ħtieġa għall-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna ladarba jidħol fis-seħħ xi ftehim għall-paċi.
Macron qed jesiġi għall-istazzjonar ta’ ‘qawwa mill-Ewropa’ fl-Ukrajna’ ladarba l-paċi tkun iggarantita u meta madwar 20 pajjiż huma interessati li jissieħbu ‘f’koalizzjoni biex tgħin lill-Ukrajna’ – anki jekk mhux neċessarjament bil-kontribut tat-truppi.
Min-naħa tagħha, ir-Russja kompliet tinsisti li ma taċċettax il-preżenza tas-suldati Ewropej fl-Ukrajna wara kwalunkwe ftehim għall-paċi – u fost it-theddid li din il-preżenza, awtomatikament, tfisser ‘stat ta’ gwerra diretta’.
Il-President Macron, fl-istess ħin, qal li ‘għalkemm irid jemmen li l-Istati Uniti se tkompli tagħti forom ta’ appoġġ lill-Ewropa, il-kontinent kollu jrid jipprepara bis-sħiħ għal sitwazzjoni fejn ikollu jinsa dan l-appoġġ minn Washington.’
Macron kompla li jinsab lest biex jiddiskuti l-estensjoni tal-protezzjoni mill-ħażna tal-armamenti nukleari ta’ Franza għall-Istati Ewropej mingħajr din il-faċilità.
Sadanittant, ir-Russja qed tidher li – ħlief għat-theddid dwar il-preżenza potenzjali tas-suldati Ewropej fl-ukrajna – mhix tikkalkula lill-Ewropa bħala forza; tant li t-Televiżjoni tal-Istat f’Moska qed tirrepeti l-messaġġ li ‘l-Ewropa, illum, tilfet l-influwenza tagħha’.
Il-media Russa, fil-fatt, saret titkellem aktar dwar ‘alleanza bejn ir-Russja, iċ-Ċina u l-Istati Uniti’, b’xi gazzetti anki qed jirreferu għall-Istati Uniti ta’ Trump bħala ‘is-sieħba ta’ Moska’.
//= $special ?>