Internazzjonali

L-Ukrajna: Attakk fuq il-belt fejn twieled Zelensky… Aktar ċivili mejtin bit-tfal fost il-midruba

Ir-Russja qed taħseb biex tirranka l-offensiva fuq il-poplu ċivili tal-Ukrajna fi żmien meta l-Ukreni ma jistgħux jiddependu aktar mill-għajnuna militari u skambju ta’ informazzjoni mal-Istati Uniti fid-dawl taċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu għall-Ewropa .

U waqt li l-President Amerikan, Donald Trump, qed iżid il-pressjoni fuq l-Ukreni biex jaċċettaw ftehim għal waqfien mill-ġlied mar-Russja li jagħti l-vantaġġ ċar lill-President Russu Vladimir Putin, il-Kremlin f’Moska baqa’ jippersisti fit-triq tal-aggressjoni minkejja li rrankat id-diplomazija fl-aħħar jiem.

Sadanittant, il-qawwiet Russi, fl-aħħar sigħat, ikkonċentraw l-attakki fuq il-belt ta’ Kryvyi Rih, fiċ-ċentru tal-Ukrajna. Din hi l-belt fejn twieled u trabba l-President Ukren Volodymyr Zelensky, b’missila tar-Russi tolqot direttament il-kumpless ta’ lukanda, bir-riżultat li mietu tal-anqas erbgħa.

Fl-attakk indarbu l-għexieren tan-nies, inklużi tfal, b’numru ta’midruba jkunu rappurtati f’kundizzjoni serja.

Il-President Zelensky, wara l-attakk, żvela li fil-lukanda partikulari kien hemm il-ħaddiema ta’ fejda mill-Ukrajna, l-Istati Uniti u r-Renju Unit u li rnexxielhom isalvaw wara li telqu jiġru mill-kmamar tagħhom mal-ewwel sinjali tal-attakk fuq il-belt. Fl-istess ħin, il-mexxej Ukren irringrazzja lill-iskwadri għall-emerġenzi li wieġbu minnufih għall-emerġenza u li rnexxielhom isalvaw numru ta’ nies.

Il-Gvern Ukren anki kkundanna ‘il-kampanja ta’ terrur sistematiku’ tal-Kremlin fuq iz-zoni tal-Ukrajna ffullati biċ-ċivili…Strateġija li baqgħet tintuża b’impunità mir-Russi f’din il-gwerra ta’ aktar minn tlett snin u fejn il-qawwiet ta’ Putin mhumiex jiddiskriminaw bejn il-miri militari u l-familji.

Il-President Zelensky, fl-aħħar sigħat, enfasizza li r-Russja għandha tkun ‘sfurzata’ biex ma tkomplix bl-aggressjoni fl-Ukrajna. Hu kompla li l-komunità internazzjonali għandha d-dmir li ma tieqafx bl-isfosrzi biex tipperswadi lil Putin u l-Kremlin ħalli jżommu lura ‘mit-terrur u l-gwerra fuq il-ħajja’.

Fl-attakk bil-missili fuq Kryvyi Rih ġarrbu l-ħsarat ukoll diversi bini għar-residenti u li wħud minnhom, wara, kienu dikjarati fi stat perikoluż.

Ir-Russi, fl-istess ħin, sparaw anki d-drones lejn l-inħawi ta’ Sumy, Donetsk, Kharkiv u Kherson fost ir-rapporti li dawn ħallew diversi vittmi. Sadanittant, il-qawwiet tal-ajru Ukreni rnexxielhom iwaqqgħu tal-anqas 80 minn fost il-120 drone sparati lejn pajjiżhom matul il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis.

L-osservaturi, fl-aħħar sigħat, innutaw li l-attakk missilistiku fuq Kryvyi Rih kellu jseħħ ftit wara li l-Istati Uniti,  taħt it-tmexxija ta’ Donald Trump, waqfet milli taqsam l-informazzjoni sigrieta mal-Ukreni u liema informazzjoni qabel, kienet qed taġġorna lill-militar Ukren dwar l-istrateġiji u l-movimenti tal-qawwiet ta’ Putin.