Internazzjonali

“Ma nistgħux naffordjaw li niddependu fuq oħrajn biex iżommuna sikuri” – Metsola lill-mexxejja tal-UE

Fil-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew
Roberta Metsola saħqet li “l-paċi trid tkun waħda reali, mhux li sempliċiment toffri sens falz
ta’ sigurtà u li tħalli l-aggressur jibqa’ jipprova jieħu f’idejh nazzjonijiet sovrani. Il-paċi trid
tiggarantixxi l-libertà għall-Ukrajna, is-sigurtà għall-Ewropa u tkun ta’ deterrent għal dawk li
jaħsbu li jistgħu jeħduha permezz tal-forza.”

Il-President Metsola qalet li hemm “wisq affarijiet li jinsabu , u ma nistgħux nistennew
aktar”, filwaqt li saħqet dwar l-urġenza li l-Ewropa tieħu ħsieb is-sigurtà tagħha stess.
Dwar id-difiża, appellat lill-UE biex tinvesti aktar: “L-ambizzjoni tagħna trid taqbel
mat-theddida bla preċedent, is-saħħa tal-proposti tagħna, u l-ħeffa li biha jitpoġġew
fl-azzjoni.” Hija irrimarkat li kien hemm ħafna proposti tajbin fuq il-mejda. “Żminijiet
straordinarji jeħtieġu miżuri immedjati, għalhekk nilqa’ s-soluzzjonijiet kreattivi u flessibbli
kollha biex inżidu u nħaffu b’mod sostanzjali l-investimenti tagħna fis-settur tad-difiża.”

Hija assigurat lill-mexxejja li l-Parlament Ewropew jista’ jaġġusta għal ċirkostanzi impenjattivi
billi jimxi malajr, b’mod effiċjenti u effettiv. “Il-ħidma tal-Parlament Ewropew, speċjalment fuq
deċiżjonijiet ta’ dan il-kobor, huwa mod kif titrawwem il-fiduċja fl-Unjoni tagħna. Iva, neħtieġu
azzjoni malajr, imma li naġixxu flimkien huwa l-uniku mod kif niżguraw appoġġ pubbliku
wiesa’ u profond.”

Meta tkellmet dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, hija appellat lill-mexxejja biex
“il-baġit tal-UE ikun fuq l-istess linja mal-prijoritajiet tagħna. Għandna opportunità reali biex
niffinanzjaw l-awtonomija strateġika li għandna bżonn,” qalet. “Aħna nifhmu li r-riċerka u
l-iżvilupp jibqgħu kruċjali biex insaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tagħna. Kif inhu l-finanzjament
tal-kollaborazzjoni bejn l-istati membri biex jitnaqqsu d-duplikazzjonijiet, tissaħħaħ
l-interoperabbiltà u jkun hemm aktar proġetti ta’ interess komuni. Dawn huma kollha affarijiet
li nistgħu nagħmlu flimkien. Billi nimbuttaw l-innovazzjoni, mhux se nsaħħu biss l-ekonomija
tagħna, inżidu l-kompetittività u noħolqu impjiegi ta’ kwalità; se nkunu qed ninvestu ukoll
fis-sigurtà kollettiva tagħna,” qalet il-President Metsola.