Il-kumpanija Maltapost ġiet ordnata mill-Imħallef Toni Abela tagħti €155,000 lill-qraba ta’ pustiera li kienet impjegata magħha wara li tilfet ħajjitha traġikament meta waqgħet minn fuq il-vettura tax-xogħol. L-inċident kien seħħ fis-7 ta’ Mejju 2020 meta Elenia Briffa ta’ 19-il sena nqalbet bil-vettura tax-xogħol waqt li kienet għaddejja minn Triq Ħal Qormi fil-Marsa.
Il-ġenituri tagħha, John u Doris Briffa, fetħu kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili f’isimhom u f’isimhom uliedhom l-oħra Ryan u Denise, fejn żammew lill-kumpanija responsabbli għall-inċident traġiku. L-Imħallef Toni Abela sema’ kif mill-provi rriżulta li malli l-vittma waslet f’kantuniera baqgħet dieħla fil-bankina.
Minn xhieda anke ta’ esperti, l-Imħallef Abela qal li hu tal-fehma li t-tajer ta’ wara nfaqa’ bl-impatt mal-bankina u mhux qabel kif ukoll li t-tfajla ma kinitx liebsa elmu anke għax impjegata li xehdet dwar dak li seħħ qalet li ratha ħierġa mingħajr elmu fuq rasha.
L-Imħallef Abela rrefera anke għal filmat tal-aħbarijiet ta’ TVM u semma kif jidher sigarett mal-art u pakkett sigaretti u lighter qrib il-vettura waqt li żied li jidher ċar li l-vittma kienet distratta. Żied li t-tfajla naqset għax kienet mingħajr elmu u sostna li huwa obbligu tal-ħaddiem li waqt xogħlu jara li ma jpoġġix lilu nnifsu f’ċirkostanzi ta’ periklu u għalhekk ikkonkluda li kkontribwiet għall-inċident.
Fl-istess waqt qal li l-kumpanija naqset għax kienet konxja li l-vittma kienet għadha friska fis-sewqan u għalkemm kellha liċenzja, dak li kienet qed issuq kien differenti minn karozza normali. L-Imħallef Abela nnota li l-vettura hija tat-tip li jekk tqum minn fuq is-seat jieqaf il-brejk, m’għandhiex bibien fil-ġenb u l-isteering qisu ta’ rota.
Il-fatt li l-kumpanija qalet li dak li seħħ kien minħabba n-nuqqas tal-vittma, il-Qorti qalet li jibqa’ dejjem l-obbligu tiegħu li l-post tax-xogħol jipprovdi mezzi, apparat u ambjent li ma jkunux ta’ periklu u riskji għas-saħħa u l-ħajja tal-istess impjegat. Dan joħroġ ukoll mill-Att biex jippromwovi s-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Il-Qorti qalet ukoll li ma jidhirx li l-kumpanija għandha sistema f’postha biex tissorvelja li l-miżuri ta’ ħarsien ikunu qegħdin jiġu osservati mill-ħaddiema, tant li xhud tal-kumpanija qal li l-kontroll (“checking”) huwa responsabbilità tal-impjegat.
Dan qalu fil-kuntest tal-elmu. Jgħid saħansitra li ma għandhom ebda kontroll u jispjega li l-kumpanija
mhijiex kelb tal-għassa tal-impjegati. Imma ,b’kull dovut rispett lejn ix-xhud, qalet il-Qorti, skond il-liġi hekk għandha tkun fejn tidħol is-saħħa tal-ħaddiem fuq ix-xogħol.
Jekk il-kumpanija mhux qed tifhem dan, allura mhux qed tifhem li dan huwa wieħed mill-obbligazzjonijiet essenzjali tagħha. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-familjari tal-vittma limitatament u ddikjarat li s-soċjetà Maltapost taħti għall-imsemmi inċident fil-grad ta’ 50%.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li huwa ta nofs it-tort tal-inċident lill-kumpanija u ordnalha li tagħti kumpens ta’ €155,000 lill-familja tal-vittma.
Għall-qraba tal-vittma dehret l-Avukat Charmain Cherrett.
//= $special ?>