Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħareġ dak li sejjaħ bħala ‘l-aħħar twissija’ tal-Ħamas biex huma jeħilsu l-ostaġġi li għad fadal minn fost l-Iżraeljani li ilhom miżmumin mit-terroristi Palestinjani mindu l-Ħamas wettqu l-massakri storiċi f’Iżrael f’Ottubru tal-2023.
Trump ma żammx lura milli jenfasizza li l-Ħamas jispiċċaw ‘eliminati sal-aħħar raġel u mingħajr aktar diskors’ jekk huma jinjoraw din it-twissija.
Hu kompla li l-Istati Uniti qed tibgħat ‘kulma jridu l-Iżraeljani’ biex huma jwettqu dak li jrid isir – bil-grupp Ħamas, intant, jakkuża lill-President Amerikan b’li qed jinkoraġġixxi lil Iżrael biex jikser il-ftehim għal waqfien mill-ġlied li għadu qed iżomm f’Gaża.
Sigħat qabel l-istqarrija, il-White House f’Washington ikkonferma li kien għaddej bit-taħditiet diretti mal-Ħamas dwar l-ostaġġi Iżraeljani li għadhom f’idejn it-terroristi. L-iżvilupp mhux komuni, peress li l-Istati Uniti, sa ftit ilu, dejjem irrifjutat il-kuntatt dirett mal-entitajiet reġistrati bħala organizzazzjonijiet terroristiċi.
Sadanittant, Trump, issa, qed jhedded li ‘lest biex jgħaddi l-Ħamas mill-infern’ jekk huma ma jeħilsux lill-ostaġġi mill-aktar fis. Fl-istess ħin il-President ma speċifikax it-tip tal-għajnuna li qed jibgħat lil Iżrael fost l-insistenza ‘biex il-Ħamas anki jirritornaw il-katavri tal-Iżraeljani li nqatlu taħt idejn it-terroristi’.
Donald Trump kompla li l-Kapijiet tal-Ħamas għad għandhom l-opportunità u ċ-ċans li jaħarbu minn Gaża u biex ma jiddubitaw qatt li l-Istati Uniti ‘mgħandhiex sabar infinit’.
Min-naħa tiegħu,Hazem Qassem, kelliem ewlieni għall-Ħamas, sostna li dan it-theddid jikkumplika l-affarijiet relatati mal-ftehim għal waqfien mill-ġlied minbarra li jinkoraġġixxi lill-Iżraeljani biex ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet imfasslin biex dan il-patt jibqa’ validu għat-tul taż-żmien.
//= $special ?>