Lokali Qorti

Mhux veru li qabeż minn gallarija għax issawwat mill-Pulizija

Raġel ta’ 31 sena mill-Isla bi problema tad-droga nstab ħati mill-Qorti li gideb dwar membri tal-Korp tal-Pulizija meta allega li qabeż minn gallarija biex jevita xebgħa mill-Pulizija. Huwa saħansitra qal li dawn sawtuh b’lasta ta’ xkupa meta qabduh iktar tard.

Jon Lawrence Formosa nstab ħati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li f’Marzu tal-2018 ivvinta storja dwar membri tal-Korp tal-Pulizija, li nsulentahom, fixkilhom fil-qadi ta’ dmirijierhom, u ħarab mill-kustodja tagħhom, fost reati oħra.

Formosa kien mar jiffirma l-Għassa ta’ Bormla skont il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, u hawn qalulu li kienu se jżommuh biex ikellmuh dwar każ ta’ serq. Hawn huwa qal lill-Pulizija li kellu jmur iċ-ċentru tad-detox biex jieħu l-methadone, iżda l-Pulizija żammewh xorta waħda.

Huwa pprova jaħrab minn fuq il-post iżda nqabad mill-ewwel. Wara xi ħin marru fid-dar t’ommu biex ifittxu xi oġġetti relatati mas-serqa, u kien hawn li Formosa qabeż madwar sular mill-gallarija u reġa’ ħarab.

Waqt li kien maħrub il-Pulizija rawh fejn kumpless tal-garaxxijiet, u arrestawh u reġgħu mmanettjawh, peress li l-ewwel sett ta’ manetti kien kissirhom. Huwa allega li hawn il-Pulizija sawtuh bi xkupa li kien hemm fil-garaxxijiet peress li kienu rrabjati li ħarbilhom.

Il-Qorti meta semgħet il-provi qieset ix-xhieda tal-Pulizija u ta’ diversi tobba li eżaminaw lil Lawrence, fejn ikkonkludiet li l-ġrieħi friski kienu kompatibbli mal-qabża mill-gallarija u mal-fatt li rreżista l-arrest meta reġa’ nqabad.

Minkejja li sabitu ħati, il-Qorti qieset il-fatt li l-akkużat qed jagħmel progress biex jegħleb il-vizzju tad-droga, bil-Bord tar-Riabilitazzjoni jikkonferma li l-każ tiegħu ngħalaq b’suċċess. Għal din ir-raġuni l-Qorti poġġiet lil Lawrence taħt ordni ta’ probation għal tliet snin, u ma marritx għall-piena karċerarja.

Sadanittant, f’sentenza separata, Formosa nstab ħati li f’Awwissu tal-2021 ipprova jisraq karozza Vauxhall Corsa minn Ħ’Atttard, u li kkawża ħsarat fl-istess vettura. Huwa kien ordnat iħallas €260 fi spejjeż lil sid il-vettura u tpoġġa wkoll taħt probation għal tliet snin.

Fil-każ tal-qabża mill-gallarija, il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Josric Mifsud filwaqt li fil-każ tas-serq tal-vettura l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christabelle Chetcuti u Clayton Camilleri.