“Mixjin ‘il quddiem, iżda fejn jidħol work-life balance u pożizzjonijiet ta’ tmexxija, għad fadal ħafna xi jsir”
Hekk spjegat il-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiviera, f’kummenti li tat lil Net News…f’konferenza li saret bit-tema: “In-nisa u l-irġiel għandhom l-istess ħin biex jilħqu l-karigi tagħhom?”.

Laiviera spjegat illi l-għan wara din il-konferenza, propju ftit jiem qabel Jum il-Mara, kien sabiex jitwasslu rakomandazzjonijiet biex tiżdied l-ugwaljanza bejn ir-raġel u l-mara
Il-Kummissarju kompliet tispjega illi fejn jidħol pożizzjonijiet fit-tmexxija u fil-politika, il-mekkaniżmu tan-nisa jidher li għen biex il-gender equality index jiżdied f’dan ir-rigward; iżda mill-informazzjoni miġbura jidher li għad hemm aktar xogħol xi jsir.
Hi spjegat ukoll illi sar kambjament fejn tidħol il-parteċipazzjoni tal-irġiel fix-xogħol tad-dar, minkejja li l-problema tal-ħin għan-nisa għadha dominanti.
Il-Kummissarju Laiviera spjegat illi l-għan prinċipali jibqa’ li jissaħħaħ ir-rwol tal-mara f’oqsma partikolari.
Il-gender equality index jinnota illi pajjiżna għamel kambjament fl-ugwaljanza bejn is-sessi matul dawn l-aħħar snin, iżda huwa xhieda wkoll ta’ bżonn ta’ aktar miżuri li jgħinu lill-mara sabiex tkun parteċipi aktar fil-politika u anke sabiex tqassam il-ħin bejn il-ħajja personali u x-xogħol.
Bl-aktar żewġ oqsma li juru diskrepanza bejn il-mara u r-raġel ikunu l-parteċipazzjoni fil-poter, inkluż il-politika u karigi ta’ amministrazzjoni u anke t-tqassim tal-ħin bejn il-ħajja personali u dik professjonali.
//= $special ?>