Lokali Qorti

Milqugħa talba tal-AĠ u oħra ta’ raġel li se jgħaddi ġuri mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ martu

Wara li l-Qorti se tisma’ l-ġuri ta’ raġel ta’ 66 sena akkużat bl-attenat ta’ qtil ta’ martu, kienet laqgħet it-talba tiegħu li l-istqarrija li kien ta lill-Pulizija ma tkunx part mill-proċess minħabba li meta kien qed iwieġeb għad-domandi ma kienx assistit minn avukat tal-fiduċja tiegħu, il-Qorti tal-Appell Kriminali rrevolat id-deċiżjoni u laqgħet talba tal-Avukat Ġenerali biex din tkun parti milll-proċess.

Il-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti, mill-banda l-oħra laqgħet talba ta’ Emanuel Borg mill-Mellieħa li tgħid li jekk is-Surġent Anton Buttiġieġ jittella’ xhud mill-prosekuzzjoni waqt il-ġuri, jew jekk tinqara x-xhieda tiegħu lill-ġurati għar-raġunijiet li trid il-ligi, ma għandux jagħmel referenza għal dak mistqarr lilu mill-akkużat meta kien minnu mitkellem wara li kkonsulta mal-avukat Josette Sultana.

Dan peress li t-twissija li ngħatat lill-akkużat, minn dan l-uffiċjal tal-pulizija ma kenitx waħda konformi mal-liġi. Emanuel Borg, li qed jistenna li jgħaddi ġuri fuq l-attentat ta’ qtil ta’ martu lura f’Novembru tal-2019, kien talab ukoll lill-Qorti Kriminali biex xhieda ta’ martu u espert tal-Qorti ma tkunx ukoll parti mill-proċess waqt il-ġuri. Dawn iż-żewġ talbiet madankollu ġew miċħuda. Minn dakinhar ‘il hawn il-mara kienet mietet.

Il-mara sfat feruta gravament u kważi maqtula meta allegatament żewġha ta diversi daqqiet ta’ martell fuq rasha, u hi ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti ħafna dettalji dwar l-inċident. Il-vittma li dak iż-żmien kellha 61 sena, sofriet minn ġrieħi serji f’rasha u wiċċha wara l-attakk li seħħ fid-dar tal-koppja, fi Triq Qasam Barrani, fl-inħawi tal-Bajja tal-Prajjiet, fejn Borg qed iwieġeb mhux ħati ta’ atttentat ta’ qtil u attakk brutali.

Il-mara, li kienet ittieħdet malajr l-Isptar Mater Dei, kienet qalet fil-Qorti li ma tiftakar xejn minn dak li għadda minn għaliha dakinhar tal-inċident u dan riżultat tal-ġrieħi li ġarrbet. Qalet li tiftakar li kienet sajritlu, marret fis-sodda u qamet l-isptar, anke jekk wara kienet tat xi ftit tad-dettalji.

Fortunatament, il-kundizzjoni tal-mara tjiebet minn dakinhar tal-inċident bl-Ispettur Clayton Camilleri li qed imexxi l-prosekuzzjoni, kien qal fil-Qorti li l-akkużat ammetta u ħa r-responsabbilità ta’ dak li għamel lil martu waqt l-interogazzjoni. Snin ilu l-akkużat kien ingħata l-pleġġ fuq depoiżitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Kienet ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni.

Fl-ġuri li għandu jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ir-raġel se jkun qed jiġi mixli b’żewġ Kapi ta’ Akkuża – dik ta’ attentat ta’ qtil u ta’ feriti ta’ natura gravi. L-akkużi tal-Avukat Ġenerali jgħidu li l-koppja, li spiċċat separata, għandhom żewġ ulied.

Minkejja li lura fis-sena 2019, Emanuel Borg u martu kienu għadhom legalment miżżewġin u jgħixu taħt l-istess saqaf, sfortunatment kien hemm diversi kwistjonijiet bejniethom li wassluhom biex jibirdu minn xulxin.

Ir-relazzjoni matrimonjali tagħhom kienet ilha sejra lura tant li ta’ sikwit kienu jinqalgħu argumenti bejniethom. B’mod partikolari, kien qam argument jaħraq wara li Emanuel Borg allegatament kien talab lil martu sabiex issellfu l-ammont ta’ €300, iżda hi kienet irrifjutat li tagħmel dan.

Fl-istess żmien, kien inqala’ argument ieħor fuq xi persuna ta’ nazzjonalità barranija biex tibda tgħix magħhom fir-residenza matrimonjali. Dawn il-kwistjonijiet nibtu rabja kbira min-naħa tal-akkużat fil-konfront ta’ martu.

Fid-dawl ta’ dan, Emanuel Borg daħħalha f’rasu li hi kellha tpattiha qares ta’ dan u ddeċieda li joqtolha jew li jpoġġilha ħajjitha f’periklu ċar. Ħaseb kif kellu jwettaq dan il-ħsieb tal-biża’ u ddeċieda li jwettqu. Fil-11 tal-Novembru tal-2019, martu kienet qiegħda fir-residenza tagħhom fil-limiti tal-Għadira, fil-Mellieħa, u kienet ippreparat l-ikla ta’ nofsinhar għal żewġha l-akkużat.

Minħabba l-fatt li l-‘microwave ‘li kellha fir-residenza tagħhom ma kienx qiegħed jaħdem, iddeċidiet li tieħu l-ikel ta’ żewġha fir-residenza tat-tifel tagħha, li joqgħod biswiethom, u ssaħħan l-ikel ta’ żewġha hemmhekk.

Hekk kif saħħnet l-ikel, marret immedjatament lura fir-residenza tagħha u ta’ żewġha u poġġiet il-platt bl-ikel fuq il-mejda sabiex żewġha jkun jista’ jiekol l-ikla ta’ nofsinhar. Sussegwentament, għall-ħabta ta’ nofsinhar, hija marret tistrieħ ftit fil-kamra tas-sodda tagħhom u marret għajnejha biha.

Daqqiet ta’ martell

Kien proprju f’dan il-waqt, li Emanuel Borg iddeċieda li kien il-waqt li jwettaq il-pjan li fassal f’moħħu u ċioè li joqtol lill-martu, jew li jqegħdilha ħajjitha f’periklu ċar. Għal dan il-għan, Emanuel Borg qabad martell, mar fil-kamra fejn martu, ra li kienet marret għajnejha biha u taha diversi daqqiet bil-martell f’rasha u f’wiċċha u dan waqt li hija kienet rieqda.

Xi ħin wara li Emanuel Borg ikkommetta din l-aggressjoni fuq martu, fejn ħalliha għal kważi mejta, huwa ċempel lill-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei u infurmahom li kien għadu kif ta xebgħa lil martu u li mhux qiegħda konxja.

Minnufih, ambulanza ħarġet sabiex tmur għall-vittma. Il-Pulizija ġew infurmata b’dak li kien ġara u rrikorrew immedjatament fir-residenza tal-vittma u tal-akkużat. Peress li l-imsemmija residenza ma kinitx daqstant faċli biex tiġi intraċċata, malli l-Pulizija u l-ambulanza waslu fl-akkwati, ftehmu li jieħdu triq differenti.

Jirriżulta li kienet l-ambulanza li waslet l-ewwel fuq il-post u malli l-Pulizija kienu fi triqithom fuq il-post, ma tħallewx jikkomunikaw mal-vittma, peress li kienet diġà fl-ambulanza f’qagħda kritika. Sussegwentement malli l-Pulizija waslu fuq il-post, avviċinhom raġel, li rriżulta li hu l-akkużat, fejn qalilhom mill-ewwel biex jarrestawh għax kien hu li kien għadu kif ta xebgħa lill-martu.     

L-akkuża minn naħa tal-AĠ tgħid li fid-dawl ta’ dan, il-Pulizija pproċedew bl-arrest tal-akkużat li ngħata d-drittijiet legali kollha tiegħu. Fil-frattemp, il-mara ttieħdet b’urġenza l-Isptar Mater Dei għaliex kienet tinsab f’qagħda kritika kawża tan-numru ta’ ġrieħi li ġarrbet mill-aggressjoni li saret fil-konfront tagħha minn żewġha.

Infatti, kawża tal-imsemmija aggressjoni, irriżulta li l-vittma ġarrbet ġrieħi serji fuq ir-ras, xoffa ta’ fuq tal-ħalq taħt l-imnieħer tal-lemin, ‘madwar l-għajn il-leminija, laċerazzjoni fuq quddiem u fuq ix-xellug, laċerazzjoni fuq l-aspett interjuri fuq in-naħa tal-lemin tax-xoffa ta’ fuq tal-ħalq.

CT Scan tar-ras wera li kien hemm żewġ fratturi fir-ras u l-wiċċ. Fl-Isptar Mater Dei t-tobba kellhom jaġixxu minnufih biex isalvawlha ħajjitha billi jagħtuha l-kura neċessarja.

Il-Qorti ma laqgħetx it-tielet talba tal-akkużat biex tiddikjara inammissibbli dawk il-partijiet mid-deposizzjoni tal-espert tal-informatika, Keith Cutajar, u r-relazzjonjiet minnu esebiti u kull referenza għal mansjoni tal-inakrigu lilu mogħti meta kiseb verżjoni tal-mara waqt li kienet l-Isptar Mater Dei.

L-inkarigu fdat lilu kien limitat sabiex jikseb konjizzjoni dwar xi ritratt ta’ xi oġġett li possibbilment kienu ntużaw fuq il-mobile. Għalhekk, il-fatt li l-espert tal-informatika Keith Cutajar kiseb verżjoni tal-fatti mill-vittma waqt li hija kienet qegħda l-Isptar Mater Dei, seta’ jagħmlu jekk huwa ħaseb li tali inkontru kien neċessarju sabiex jaqdi b’mod aħjar u sigur l-inkarigu mogħti lilu.

Il-liġi ma tesiġix li għandu jkun hemm nomina speċifika fir-rigward tax-xogħol li għandu jagħmel espert meta jiġi nominat, speċjalment meta l-espert ikun wieħed li jiġi nominat ta’ sikwit. Dak li trid il-liġi hu li x-xogħol li jagħmel l-espert ikun tali li jiġi esegwit skont is-sengħa u l-arti u l-fatt li l-espert Keith Cutajar kellem lil parte civile ma jfisser xejn irregolari, u għalhekk din it-talba ġiet miċħuda.