Opinjoni

OPINJONI: Battalja bla rebbieħa

Donald Trump jindirizza sessjoni konġunta tal-Kungress Amerikan. (Ritratt: EPA)
Kliem perikoluż li jservi biss ta’ xhieda li Trump qajla għandu xi interess fil-paċi imma għandu biss interess f’paċi li tibbenefika l-programm politiku tiegħu

minn Angelo Micallef

“My fellow Americans, get ready for an incredible future, because the golden age of America has only just begun. It will be like nothing that has ever been seen before”.
Hekk iddikjara nhar it-Tlieta li għadda l-President Amerikan Donald J. Trump meta indirizza sessjoni konġunta tal-Kungress Amerikan. Diskors li kien l-itwal wieħed li qatt wassal President Amerikan f’dan il-kuntest u li kien mifni b’ineżatezzi u stqarrijiet li mhux neċċessarjament turija tal-verità sħiħa dwar l-argument li jkun qiegħed isir.
Kien diskors diviżiv li jkompli jibni fuq il-legat ta’ dan il-President mill-aktar diviżiv li qiegħed jagħmilha ċara li m’għandu l-ebda interess li jġib l-għaqda f’pajjiżu, anki bl-attakki kontinwi fil-konfront tal-President preċedenti u b’ton kważi nkejjuż fil-konfront tad-Demokratiċi meta dawn irrifjutaw li jingħaqdu fl-ewforija isterika tar-Repubblikani.
Diskors li wasal propju ftit tas-sigħat wara li Trump impona tariffi fuq il-Kanada, il-Messiku u ċ-Ċina, liema tariffi wasslu biex l-istock markets, inkluż dawk Amerikani, ħadu daqqa lura enormi.
Tariffi li kull analista ekonomiku, għajr dawk li huma biss interessati li jinċensaw lil Trump, jgħidu li ma jħallu ebda rebbieħ. Tariffi li se jwasslu biss biex il-popli madwar id-dinja jbatu l-piż tal-inflazzjoni u li jagħmluha diffiċli biex id-dinja timxi b’kummerċ fi klima serena.
Diskors li jkompli juri wkoll President b’ambizzjonijiet strambi ħafna fejn jidħol l-espansjoniżmu, bi Trump jerġa’ jtenni l-attakki tiegħu fuq il-Panama biex jaħtaf il-kontroll tal-Kanal tal-Panama, il-Kanada li jrid jdawwar fi stat Amerikan u Greenland li jrid jaħtaf minn idejn id-Danimarka.
Kliem perikoluż li jservi biss ta’ xhieda li Trump qajla għandu xi interess fil-paċi imma għandu biss interess f’paċi li tibbenefika l-programm politiku tiegħu.

Ipinġi lilu nnifsu bħala xi ‘deal maker’
Ħafna jsemmu d-duttrina Monroe fejn jidħol Trump u f’dan id-diskors komplejna naraw aktar xejriet fuq din il-verżjoni tal-veduta mondjali ta’ Trump.
Verżjoni li fiha l-Istati Uniti tingħalaq fiha nnifisha u tħares biss ’il ġewwa mingħajr l-ebda rikonoxximent li d-dinja llum il-ġurnata saret villaġġ kbir. Hija viżjoni perikoluża li sejra biss isaħħaħ reġimi bħaċ-Ċina u r-Russja li se jużaw il-kaos li qed jiżra Trump biex javvanzaw l-interessi tagħhom.
Trump dejjem iħobb ipinġi lilu nnifsu bħala xi ‘deal maker’ b’kapaċitajiet eċċezzjonali. Iħobb ipinġi lilu nnifsu bħala xi ħadd li bħalu m’hawn ħadd f’termini ta’ kemm kapaċi jxomm opportunità tajba u jaħtaf tali opportunità.
Mhux niċħad li Trump kellu l-mumenti ta’ suċċess tiegħu, imma biżżejjed wieħed isemmi proġetti kbar li għal raġuni jew oħra fallew, bħal ngħidu aħna Trump Steaks, Trump Taj Mahal u Trump Entertainment Resorts.
Naturalment dan ma jfissirx li hemm xi ħaġa straordinarjament ħażina f’Donald Trump, imma juri wkoll li Trump mhux infallibli l-anqas fejn jidħol il-kapaċità li jsir ftehim, kontra ta’ dak li forsi ċertu midja tixtieqna nemmnu fejn tpinġi lil Trump bħala xi ‘deal maker’ eċċezzjonali.
Naturalment kien hemm mumenti fejn id-diskors ta’ Trump lissen xi punti validi wkoll. Insemmi wieħed biss; meta Trump kritika l-Ewropa li fl-istess waqt li kienet qed tgħin lill-Ukrajna tiġġieled kontra r-Russja, l-istess Ewropa baqgħet tixtri l-gass u ż-żejt mir-Russja bħallikieku qatt ma’ ġara xejn. Anki xi punti ta’ kritika fuq l-amministrazzjoni preċedenti kellhom bażi ta’ punt anki jekk it-ton forsi ma kienx l-aħjar wieħed li seta’ jiġi wżat.
Huwa ċar aktar minn qatt qabel li l-Istati Uniti taħt Donald Trump mhix se tkun l-Istati Uniti li nafu fl-aħħar snin.
Huwa ċar li jeħtieġ li naħdmu b’mod immedjat fuq indipendenza ekonomika, militari u politika fejn bl-ebda mod ma’ nkunu dipendenti fuq l-Istati Uniti. Huwa ċar li jeħtieġ nkunu reżiljenti u sodi fil-konfront tal-gwerra tat-tariffi li b’mod ċar mid-diskors ta’ Trump joħroġ li hija fil-qofol tal-politika tal-amministrazzjoni li hu jmexxi.
Anki jekk il-battalja tat-tariffi hija waħda li ma’ tħallix rebbieħa, jeħtieġ li nlestu ruħna. Tħobbu jew tgħobodu Donald Trump għandu mandat Presidenzjali u jeħtieġ li nadattaw ruħna għaċ-ċirkostanzi preżenti.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 6 ta’ Marzu 2025.