Opinjoni

OPINJONI: Ebda serħan il-moħħ għall-anzjani

Il-Moviment Laburista fil-Gvern sar l-art fertili fejn fih inżergħu l-mudelli korrotti u kriminali li wieħed jista’ jimmaġina

mid-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi
Shadow Minister għad-Delizzji u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja

Issa huwa ż-żmien li naħdmu aktar, huwa żmien importanti u kruċjali għal pajjiżna. Irridu nkomplu nfehmu, ma niddejqux, ma nibżgħux, ma nogħtrux, inkomplu noffru t-tama, nagħtu l-viżjoni tagħna, niltaqgħu ma’ kulħadd u nikkonvinċu lil dawk li baqgħu d-dar fl-elezzjonijiet li għaddew biex fix-xhur li ġejjin jagħmlu l-għażla għalihom, għal uliedhom u għal pajjiżhom.
Il-Gvern jinsab fi stat ta’ paniku. Dahru mal-ħajt u Robert Abela jrid isalva ġildu. Dan il-Gvern huwa Gvern maħmuġ, korrott u ħalliel, Agħar minn hekk ħalliel għax seraq lill-poplu Malti.
L-akbar kriżi li għandu dan il-pajjiż hija l-governanza mimlija sa ruħ ommha b’intriċċi, manuvri, tixħim, Frodi l-ħin kollu u serq sfaċċat dritt f’wiċċ il-poplu Malti.
Minflok il-Gvern qiegħed jgħaddi l-liġijiet kruċjali u importanti għall-poplu Malti; qiegħed b’mod mgħaġġel fi żmien ġimgħa jgħaddi liġi biex isalva ġildu.
Irid jikkonvinċi lin-nies li l-iskandli li kienu qed jinkixfu kienu biss qlajja’. Issa li sħabu qegħdin jitressqu l-Qorti wieħed, wieħed. Dan huwa Gvern Laburista moħħu biss fih innifsu. Jagħmel dak biss li jaqbel lilu.

Familji jesperjenzaw it-tbatijiet tal-għoli tal-ħajja
Dan, minflok jara kif jgħin lill-familji tagħna biex jingħataw nifs mill-għoli esaġerat tal-ħajja. Waqt li l-familji tagħna huma bla nifs, għejjew, ma jifilħux aktar mill-ispejjeħ ta’ kuljum li qegħdin jagħmlu u li qegħdin ta’ kuljum jogħlew, għax fi stat ta’ paniku jrid jgħaddi liġi li twaqqaf id-dritt li ssir inkjesta maġisterjali fejn il-korrotti msieħba mal-Gvern ma jkunux jistgħu jgħaddu ġuri u jinstabu ħatja quddiem il-ġustizzja.
Waqt li l-familji tagħna qed jiġġieldu maż-żieda sproporzjonata tal-għoli tal-ħajja, il-Gvern baqa’ jixxala minn fuq butna waqt reċessjoni li ilha tidher u tagħti l-indikazzjonijiet tagħha u fejn sejrin.
L-għoli tal-ħajja kien u għadu fenomenu li kellu jiġi indirizzat mill-Gvern, snin ilu. Il-ħatriet tal-persons of trust, il-konsulenzi żejda u mingħajr bżonn, it-tberbiq fix-xalar, id-direct orders ta’ miljuni kbar ta’ flus u l-korruzzjoni ġabu lill-pajjiż f’din is-sitwazzjoni tal-biki.
In-Nazzjon għandu bżonn il-fejda. Nafu x’inhi fidwa? Dak li għamilna bħala Maltin, Maltin ta’ sitt mitt sena ilu ħlisna mit-tiranni.
Il-Prim Ministru jrid li jitneħħa d-dritt li ċittadin komuni jitlob għall-inkjesta maġisterjali. Jonathan Attard u l-Prim Ministru tiegħu jridu jaħtfu l-poter minn idejn il-Maġistrati ta’ pajjiżna u minflok jagħtuh lill-Kummmissarju tal-Pulizija.

Jattakkaw lill-Ġudikatura
Biex ma jsir xejn u l-provi qatt ma jersqu fuq l-għatba tal-Qorti. Mhux ta’ b’xejn il-Prim Ministru jattakka lill-Ġudikatura. Kif jista’ QATT, ċittadin komuni jinvestiga hu, jiġbor u jippreżenta l-provi hu meta dan huwa sal-lum l-għan ewlieni tal-Maġistrat f’Inkjesta. Dan kollu qiegħed isir biex il-poplu Malti u Għawdxi ma jarax b’għajnejh il-mod oxxen li bih qiegħed imexxi dan il-Moviment fil-Gvern, għanqbuta ta’ korruzzjoni, abbużi ta’ poter u tħanżir.
Tafu xi jrid Robert Abela? Li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, jiddeċiedi li ma jinvestigax lill-kriminali u lill-korrotti fil-politika u b’hekk ħadd ma jittella’ Qorti.
Tafu xi jrid il-Prim Ministru, Jonathan Attard u dawk kollha li sejrin jivvutaw favur din il-liġi mgħaġġla imressqa u mtella’ mill-Gvern?
Li ma jkunx hemm lok għal inkjesta maġisterjali f’każi bħall-Panama Papers, 17 Black, Progress Press, VGH, il-bejgħ tal-Passaporti, Identità Malta…
Dawn huma summarju ta’ tliet leġiżlaturi tal-Labour, ħames snin ta’ Robert Abela Prim Ministru ta’ kontinwità u road map ta’ patt imxajtan infami.

Awturi ta’ ħadma wara oħra
Gvern Laburista hu monument tal-ħadma, tal-impunità, tal-intriċċi, tal-korruzzjoni istituzzjonalizzata…
Li kieku kien għall-Gvern Laburista u għall-Kummissarju tal-Puliziija qatt ma kienet issir inkjesta maġisterjali b’rabta mas-17 Black u kieku l-ewlenin fl-iskandlu Electrograss – Keith Schembri, Konrad Mizzi, Mario Pullicino, Yorgen Fenech u Paul Apap Bologna u oħrajn qatt ma kienu jitressqu l-Qorti u jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Ejjew nifhmu sewwa dak li qegħdin ngħidu. Tant il-Gvern irid jaħbi l-verità għax jaf li għandu x’jitlef, li l-Avukat Ġenerali irrifjutat l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black milli tkun pubblikata. Victoria BUTIGIEG mhux talli ma ppubblikatx l-inkjesta, iżda talli qiegħda anke tirrifjuta li tgħaddi kopja lil min fetaħ l-inkjesta.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 2 ta’ Marzu, 2025.