mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Fil-konfrontazzjoni, in-nies inqas jaraw u inqas isegwu l-argumenti. Faċli li wieħed jidħol f’dan ix-xenarju, u fih dejjem ikun hemm dawk li jaqblilhom. Anzi aħjar, li jimmaġinaw li fiċ-ċirkostanzi jkun jaqblilhom.
Għax il-verità hija li meta fil-post maħluq għad-dibattitu bejn bnedmin serji u maturi s-sitwazzjoni tiddeġenera, l-effett ikun kuntrarju. Ħafna narahom u nismagħhom jgħidu li jħossu li jridu deputati varji jiddjalogaw u jaffrontaw l-argument preżenti, u mhux lil xulxin.
Esaġerazzjonijiet
Forsi ninsabu lura fi żmien l-eżaltati. Ninsabu lura mitt sena, naraw partiti fil-lemin-lemin jew lemin estrem jikkonfrontaw u jiddubitaw minn dak kollu li nbena mill-forzi demokratiċi. Id-djalogu huwa demokratiku, imma l-kontra tiegħu mhuwiex.
It-teżi u l-antiteżi biex wieħed jasal f’xi forma ta’ sinteżi, diversi għandhom illum l-interess li jkissruhom. Jimponu l-opinjonijiet tagħhom billi ma jaffrontawx il-fatti, imma flokhom, l-impressjonijiet. Hemm rigur morali li kull deputat elett fil-Parlament bis-saħħa elettorali tal-vot tal-poplu li jrid jieħu ħsieb għandu jeżerċita fuqu nnifsu.
Id-demokrazija hija valur imprezzabbli li pajjiżna għandu. B’din is-sistema ngħixu aħjar u nistgħu ngawdu l-libertajiet u d-drittijiet tagħna, iżda mhux biss. Mingħajrha ma nistgħux naraw l-ekonomija ta’ pajjiż tiffjorixxi.
Pass lura
Meta xi ħadd ma jkunx irid jiddiskuti dak li għalih jara bħala politikament skomdu, ħafna drabi jaħseb li l-konfrontazzjoni bla sens se tgħinu joħroġ mill-isqaq li jkun daħal fih. Imma l-verità hija kompletament il-kontra: tikkomplika.
Dan għax il-poplu Malti u Għawdxi m’għadux dak li kien snin twal ilu. Illum huwa ferm iktar attent, mgħarraf, edukat. Żmien l-ultras qiegħed jispiċċa dejjem iżjed, anki jekk dawn jidhru li qed jitkellmu b’leħen aktar għoli.
Madanakollu hemm maġġoranza silenzjuża, li tmiss magħha meta tħabbat il-bibien tad-djar, u dan dejjem jekk kemm-il darba jkunu jridu jiftħulek, li taħsibha mod ieħor. Jekk ma tifhimx dan, u quddiem l-aġir żbaljat ta’ oħrajn tidħol int ukoll tikkonfronta, allura tkun qed titlef doppjament.
Tagħti vantaġġ lil min irid jaħrab l-argument u titlef l-opportunità li tidher ’il fuq minn kollox, u għaldaqstant iktar kapaċi tifhem il-punti politiċi veri.
Gravità
Is-sitwazzjoni hija diġà gravi ħafna. Imma kif sejrin, ser tikber fil-gravità tagħha. Għax jekk f’moħħ il-poplu mhux ser ikun hemm distinzjoni bejn naħa u oħra, ser jiġu jidhru t-tnejn l-istess.
Dan huwa dejjem konvenjenti għall-Gvern tal-ġurnata. Għalija ċertament mhuwiex, jien li nibqa’ nfittex dejjem l-ispazju demokratiku sabiex niddiskuti. Nibqa’ nemmen li l-kalma, il-moderazzjoni u l-għarfien li qegħdin għas-servizz tan-nies, li jriduna naġixxu sewwa, huma fil-fatt l-elementi essenzjali.
Jekk irridu nżidu fl-appoġġ popolari, din hija t-triq li dejjem rajtha tirbaħ. Meta wieħed jersaq u jaġixxi lejn iċ-ċentru, u miċ-ċentru, ikun fil-post proprju fejn il-maġġoranza tridek tkun. Ma tirbaħx elezzjoni għax jivvutawlek biss tal-partit tiegħek.
Jiddispjaċini
Għalkemm nammetti li l-Parlament inħobbu, u ħafna drabi nieħu pjaċir inkun fih, ikolli nammetti wkoll li din mhix l-ewwel darba li rajt xeni simili. Mhux fil-livell ta’ dawn il-jiem. Mhux ser niskandalizza ruħi, però sejjer biss nirreġistra li l-esperjenza politika turi li dan huwa kollu inutli.
Rajt ħafna li kkonfrontaw oħrajn u ġew b’listi ta’ akkużi li llum m’għadhomx fil-Kamra. Rajt ħafna li tilfu s-serenità, u flok baqgħu kapaċi jaslu u jiftehmu għall-ġid nazzjonali, niżel is-silenzju. Rajt ħafna kawżi ppreżentati u mozzjonijiet parlamentari li la biddlu l-Gvern u lanqas ’l-Oppożizzjoni.
Qisna ġejna mill-ġdid ikkundannati nikkommettu l-istess żbalji passati li donnhom minflok huma ppreżentati bħala xi ħidma eżemplari. Jiddispjaċini nara li flok qed nersqu biex ikollna pajjiż aktar serju u aktar trasparenti, fejn id-delinkwenza tiġi kkonfrontata, qed immorru l-kontra.
Min jirbaħ?
Jirbaħ min jaqbillu li jara l-Kamra maqsuma u li titlef mill-ftit ħin prezzjuż tagħha. Flok aktar liġijiet siewja li jikkontrollaw il-kriminalità organizzata, qed naraw diskors sterili fl-arja. Jirbħu aktar dawk li għandhom l-aġenda li jċekknu s-sistema demokratika. Dawk li jridu jikkontrollawha bi flushom.
Dawk li jridu jaqtgħu lid-deputat mill-problemi veri tal-elettorat. Dawk li l-aġenda tagħhom hija kompletament differenti minn tal-poplu. Li jaraw is-sistema demokratika f’xi forma ta’ azjenda li timxi fuq in-nuqqas ta’ responsabbiltà soċjali li n-neoliberaliżmu tas-suq kapaċi joħloq.
L-ispettaklu
Dawk li jmorru ċ-ċirklu jfittxu spettaklu minnu. Dawk li jħarsu u jsegwu Parlament, le. Forsi għal xi wħud, dawn kienu l-jiem preliminari tal-Karnival.
Imma r-realtà hija li kull darba li jseħħu dawn il-konfronti, il-pajjiż jitlef it-tajjeb. Tuża s-sabiħ tad-demokrazija biex tipprova toqtolha. F’dan nibqa’ konvint li biex jikber il-pajjiż, wieħed irid jibqa’ kostanti miegħu nnifsu u mal-prinċipji t-tajba. F’dan jibqa’ kontra l-kurrent, biex ma jinħakimx minn aġir u eżempji ħżiena. Nittamaw li meta nerġgħu niltaqgħu fil-jiem li ġejjin, taħkem il-paċi u jittieħdu l-lezzjonijiet.
Dik hija t-triq tal-irġulija: dik iebsa, iżda li ser nibqa’ naqbad u nħaddan.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 2 ta’ Marzu, 2025.