Opinjoni

OPINJONI: Gvern li falla

Il-falliment tal-Gvern: Malta mgħarrqa fit-traffiku, l-għoli tal-ħajja u n-nuqqas ta’ viżjoni u stħarriġ wieħed wara l-ieħor qed jikkonferma dak li kulħadd ilu jħoss għal snin sħaħ

mid-Deputat Nazzjonalista Alex Borg
Shadow Minister għal Għawdex

It-traffiku issa huwa meqjus bħala l-akbar problema fil-pajjiż (28%), segwit mill-għoli tal-ħajja (27%) u l-korruzzjoni (17%), u dan juri biċ-ċar li l-politika attwali ma tkunx qed tagħti soluzzjonijiet effettivi għall-ħtiġijiet tan-nies. Il-fatt li għamilna għexieren ta’ proġetti ta’ toroq iżda t-traffiku baqa’ jiżdied juri nuqqas ta’ pjan fit-tul.
27 vettura ġdida kuljum fit-toroq tagħna jfisser li kull sena qed jiżdiedu kważi 10,000 karozza ġdida fuq gżira diġà mimlija. Kieku l-pjanijiet tal-Gvern kienu effettivi, l-istatistika kellha turi tnaqqis fin-numru ta’ karozzi ġodda mhux żieda.

Sitwazzjoni inaċċettabbli
Il-mistoqsija hija waħda: x’għamel il-Gvern biex in-nies ikunu jistgħu jagħżlu alternattiva għat-traffiku? Għandna trasport pubbliku li joffri servizz tassew affidabbli? Il-pjanijiet dwar metro, ferries u ċikliżmu baqgħu biss fuq il-karta?
Għalkemm l-inflazzjoni fil-bqija tal-Ewropa tidher li qed tonqos, f’Malta 27% tal-pubbliku għadu jara l-għoli tal-ħajja bħala l-akbar problema. Minkejja l-wiegħdi kollha tal-Gvern, il-prezzijiet tal-kera, l-ikel u l-kontijiet baqgħu jogħlew.
M’hemmx pjan ċar biex il-pagi jibqgħu jaqblu mal-għoli tal-ħajja. Il-COLA ma tistax tkun is-soluzzjoni waħedha, speċjalment meta rajna kif f’ċerti setturi n-nies b’paga minima għadhom ma jlaħħqux mal-ispejjeż essenzjali. Interessanti kif l-attenzjoni fuq il-korruzzjoni naqset minn 35% għal 17%. Xi jfisser dan?
Żewġ affarijiet possibbli: jew in-nies qed iċedu u m’għadhomx jemmnu li tista’ ssir bidla, jew inkella l-prijoritajiet tagħhom issa qed ikunu l-problemi immedjati bħall-għoli tal-ħajja u t-traffiku. Dan il-Gvern kien imexxi bl-iskuża tal-ekonomija, iżda jekk illum il-poplu qed jgħid li l-akbar problemi huma traffiku, għoli tal-ħajja u għajxien diffiċli, allura nistaqsu: fejn mar dak il-flus kollu li suppost daħlu mill-ekonomija b’saħħitha? Għaliex mhumiex jgħinu lin-nies ta’ kuljum?

Ippjanar ħażin
Filwaqt li Malta qed tiffaċċja kriżi ta’ traffiku u ppjanar ħażin, Għawdex baqa’ mwarrab u bla soluzzjoni. Minkejja l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu, għadd kbir ta’ Għawdxin għadhom dipendenti fuq il-karozza privata għax sempliċement m’għandhomx alternattiva vijabbli.
Il-konnessjoni bejn iż-żewġ gżejjer għadha waħda problematika. Għawdex jeħtieġ viżjoni ċara li tnaqqas id-dipendenza fuq il-karozzi privati u tgħin biex ikun hemm soluzzjonijiet ta’ trasport aħjar, sostenibbli u li tassew jindirizzaw il-bżonnijiet tal-Għawdxin. Dan l-istħarriġ għandu jkun wake-up call għall-Gvern.
It-traffiku mhuwiex biss problema ta’ toroq, huwa problema ta’ ppjanar ħażin. L-għoli tal-ħajja mhuwiex xi ħaġa li nistgħu ninjoraw, in-nies qed isibuha diffiċli jlaħħqu. Il-korruzzjoni mhijiex xi ħaġa tas-snin li għaddew, għad hemm ħafna mistoqsijiet serji dwar kif qed jintefqu l-flus tal-poplu. Biex Malta timxi ’l quddiem jeħtieġ pjan ta’ trasport reali u effettiv, mhux biss aktar toroq u flyovers.

Il-problematal-għoli tal-ħajja
Miżuri konkreti biex il-familji jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja, mhux soluzzjonijiet temporanji. Trasparenza u governanza tajba, għax mingħajr fiduċja fil-politika, m’hemmx ekonomija li tista’ tkampa.
Il-poplu qed jibgħat messaġġ ċar: il-ħajja f’Malta qed issir iktar diffiċli, u hemm bżonn direzzjoni ġdida. Il-mistoqsija issa hija waħda: il-Gvern se jisma’, jew se jibqa’ għaddej bid-direzzjoni tiegħu mingħajr ma jinduna bil-verità?

L-iskandlu tas-serqa ta’ 200 kilo droga
Sadattant matul din il-ġimgħa tkellimna ħafna dwar is-serqa ta’ droga mill-Barracks tal-Armata f’Ħal Safi. Lil hinn mill-fatt li nispera jiġi investigat serjament kif 200 kilogramma droga li suppost kienu taħt għassa reġgħu spiċċaw lura fis-suq.
Ċirkostanzi huma dubjużi speċjalment għax 200 kilogramma ma tgħabbihomx fuq dahrek u titlaq. Però nħallu l-investigazzjonijiet isiru.
Ħa ngħid din fid-dawl kollu ta’ dak li nisma’ minn jum għal jum, l-irġulija titlob li tiġi offruta r-riżenja kif sar u hekk jixraq. Li wieħed ma jifhimx kif din ma tiġix aċċettata minn Robert Abela u din ngħidha bl-ikbar responsabbiltà.
Ħadd mhu jgħid li l-Ministru mar fetħilhom biex tinsteraq id-droga, però li hu żgur li b’xi mod inħoloq ambjent fejn dan l-episodju assurd, ma’ ħafna oħrajn, seta’ jseħħ.
Allura fejn hi r-responsabbiltà, ngħid jien? Fejn tibda u tispiċċa?
Lil hinn mill-episodju però, ir-rifjut tar-riżenja minn Robert Abela jaqta’ qalb ħafna nies li jiġu f’moħħi.
Naħseb fil-ħafna familji li għandhom dħalt u li għandhom ġuvni li hu mitluf fil-vizzju, first responders u għaqdiet volontarji li jaffaċċjaw il-konsegwenzi tad-droga. 200 kilo droga li suppost tneħħew mis-saqajn biex dawn in-nies ma jibqgħux jitilfu l-battalja ta’ kuljum tagħhom, reġgħu spiċċaw fis-suq.
Insemmi wkoll li f’Għawdex jien, flimkien ma’ sħabi, tlabna b’responsabbiltà lill-Kummissarju Gafà u lill-Ministru Byron Camilleri biex terġa’ tinħoloq id-drug squad. Ma ngħatajniex widen u Għawdex sal-lum għadu bla drug squad.
L-episodju tal-lum, flimkien ma’ ħafna oħrajn, juru li l-ġlieda kontra d-droga qatt ma ttieħdet bis-serjetà minn dan il-Gvern.
Għalhekk ngħid li hemm bżonn tibdil fir-rotta. Wara episodji bħal dawn, nisma’ ħafna li f’pajjiżi oħra hemm iktar serjetà – ir-risposta tiegħi dejjem tkun li serjetà f’pajjiżna hawn, imma ma tidhirx fit-tmexxija tiegħu. Għalhekk, iktar minn qatt qabel, wasal iż-żmien tal-bidla.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 3 ta’ Marzu, 2025.