Opinjoni

OPINJONI: Il-qagħda fid-dinja bħalissa

minn Mark A. Sammut Sassi

Fil-Mużew tal-Belle Arti ta’ Châlons-en-Champagne, belt żgħira (ta’ xi 40,000 ruħ) mhux wisq ’il bogħod minn Pariġi, hemm pittura ta’ Martin Vos (1532-1603). Il-pittura hi tal-1559, u jisimha Allegorija tal-Paċi. Fiha jidhru żewġ nisa (waħda minnhom il-Paċi), it-tnejn b’sidirhom barra (araw l-istampa).

Hemm verżjoni oħra tal-istess pittura jisimha Allegorija tal-Paċi u l-Ġustizzja. F’din it-tieni waħda, in-nisa, li huma l-Paċi u l-Ġustizzja, ma humiex sidirhom barra (araw l-istampa l-oħra).

Milli nista’ nifhem, dik fejn huma sidirhom barra għandu titlu alternattiv, li jirreferi għal Venere, l-alla tal-imħabba, tax-xenqa, tas-sess, tal-prostituzzjoni, u tar-rebħa. Jien nifhem li s-simboliżmu hu ċar fl-għażla ta’ Venere bħala dik li qed tikkonvinċi lill-Paċi.

Il-verżjoni li ma fihiex għera tgħallimna li mingħajr Ġustizzja ma jistax ikun hemm Paċi. L-oħra, fejn hemm l-għera, forsi hi aktar qalila. Tgħallimna li l-Paċi jaf ikollha bżonn l-Imħabba… imma hija l-Imħabba ta’ Venere. Forsi dal-messaġġ hu logħba simbolika li jrid ifisser li l-‘imħabba’ li ġġib il-paċi (u l-Vittorja) hi wkoll imħabba li magħha ġġib il-mard venerju, il-mard li jiġi trasmess mis-sess.

Rilevanti għal-lum?

Forsi dal-ħsibiet huma rilevanti u utli f’dal-jiem ta’ gwerra għaddejja fuq għatbet l-Ewropa. Meta l-Istati Uniti qed jinnamraw mal-iżolazzjoniżmu u mal-interess nazzjonali Amerikan qabel dak imperjali.

(Iva, jien naħseb hu ċar għal kulħadd li qed ngħixu fl-Imperu Amerikan, magħruf ukoll bħala Pax Americana, imperu li veru hu beninju imma dejjem jibqa’ imperu, li jorbita madwar l-Eġemon… l-Istati Uniti għandhom l-eġemonija fuq id-dinja.)

L-Unjoni Ewropea u n-NATO

Jien skantat kif il-President Trump jew nesa jew ma jafx li s-Suq Komuni (dak li mbagħad sar l-UE) twaqqaf mill-Amerikani stess wara t-Tieni Gwerra Dinjija bħala proġett neoliberali biex l-Amerikani jkollhom fejn ibigħu l-prodotti tagħhom.

Kien għalhekk li lill-Ġermanja tawha l-Marshall Aid: biex tkun parti mill-Imperu Amerikan.

L-Amerikani bis-Suq Komuni riedu mhux biss li jkollhom suq kbir magħqud għall-prodotti tagħhom, imma li jkun suq mingħajr kustjonijiet, mingħajr gwerer. Il-gwerer iħarbtuh il-kummerċ, mentri suq integrat jevita l-gwerra u jiffaċilita l-kummerċ. L-Amerikani (li ħafna minnhom nieshom jew Ingliżi jew Ġermaniżi) kienu konxji bil-kbir li l-Ewropej donnu jaqagħlhom għall-gwerra.

Forsi bis-Suq Komuni, tħallsu wkoll minn dawk li missirijiethom ġagħlu lill-antenati tal-Amerikani jitilqu mill-Ewropa u jittantaw xortihom fid-Dinja l-Ġdida.

L-Unjoni Ewropea ma twaqqfitx biex tilgħab lill-Amerikani, imma biex tilgħab il-logħba Amerikana skont ir-regoli Amerikani: suq wieħed kbir integrat li jikkomprendi etniji u nazzjonalitajiet differenti.

Imbagħad l-Amerikani waqqfu n-NATO, l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tan-Nord. Mhux biss bħala kontropiż għat-tkabbir politiko-militari tal-Unjoni Sovjetika (u l-Patt ta’ Varsavja). Imma wkoll biex bil-preżenza tal-Amerikani, l-Ewropej ma jiġġildux bejniethom – kif kienu għamlu mill-anqas darbtejn (1914-1918 u 1939-1945), b’konsegwenzi tal-waħx.

It-tieni, biex l-Unjoni Sovjetka tinżamm ’il barra mill-Ewropa. U t-tielet, biex il-Ġermaniżi ma jiħdux l-Ewropa f’idejhom.

Dawn kienu t-tliet skopijiet tan-NATO. U ddikjarahom bl-aktar mod espliċitu Lord Lionel Ismay, l-ewwel Segretarju-Ġenerali tan-NATO. L-Ewropej ta’ bħalissa qed tiġihom leblieba li jinħelsu mill-gabjetta li tefgħuhom fiha l-Amerikani, jiftħu ġwinħajhom u jtiru. Lejn fejn – nissuspetta jien – lanqas huma stess ma jafu.

Il-Ġermanja donnha reġgħet bdiet titħarrek fihom ix-xewqa (li ilha tkiddhom xi 1,600 sena) li jkollhom Imperu (Reich), ħakma militari-politika tal-Ewropa…

Il-Franċiżi donnhom imqanqlin mix-xewqa (li ilha tikolhom mill-Medju Evu) li jaħkmu kulturalment u politikament lill-Ewropa biċ-ċiviltà tagħhom… U l-Pollakki – li dejjem għandhom mod ‘interessanti’ kif jaraw id-dinja – mejtin biex jirxoxtaw il-Commonwealth Litwan-Pollakk (bit-Trimarium) u jgħixu qishom fir-rumanz Taras Bulba.

Il-kumplessità ġeopolitika u kulturali ta’ dan kollu tfisser li ħafna nies aħjar jisktu u josservaw x’inhu jiġri minflok ma joqogħdu jimlew il-platea tal-kummenti online tal-gazzetti b’kummenti li jagħtu adintendere li min jiktibhom jaħseb li d-dinja hi l-univers tal-komiks ta’ Marvel, u l-politiċi l-ekwivalenti ta’ Captain America, Batman, Black Panther, Wonder Woman, u l-bqija.

Il-komiks jaqrawhom it-tfal; id-dinja reali hi tal-adulti.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 6 ta’ Marzu, 2025.