Il-Prim Ministru Robert Abela jrid li jkun iġġudikat minn Kumitat immexxi mill-Ispeaker u kompost fil-maġġoranza tiegħu minn Ministri tal-Gvern u mhux minn ġudikant indipendenti.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li Robert Abela qatt m’għamel kawża ta’ libell lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, lix-Shadow Minister Karol Aquilina u lil persuni oħrajn li ilhom żmien twil jakkużaw lilu u lill-Gvern tiegħu b’rabtiet ma’ persuni kriminali. Madankollu, malli l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u x-Shadow Minister għall-Ġustizzja rrepetew din l-akkuża fil-Parlament, Robert Abela ressaq każ ta’ ksur ta’ privileġġ quddiem l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Kif mistenni mill-Partit Nazzjonalista, l-Ispeaker iddeċieda li hemm każ ‘prima facie’ ta’ ksur ta’ privileġġ u issa, il-każ għandu jinstema’ quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Privileġġi, li fih hemm maġġoranza ta’ Ministri tal-Gvern. Għall-Partit Nazzjonalista, hu ċar li Robert Abela qed ifittex il-wens fl-Ispeaker u f’dan il-Kumitat żbilanċjat favurih għax hu mwerwer mill-ġudizzju li tista’ tagħti Qorti indipendenti.
Minkejja li hu konxju ta’ x’se jkun qed jiddeċiedi dan il-Kumitat żbilanċjat, il-Partit Nazzjonalista jqis li din hi opportunità unika biex jitressqu xhieda u provi, li juri biċ-ċar li pajjiżna qed jitmexxa minn Prim Ministru u Gvern li għandhom rabtiet mill-qrib ma’ persuni kriminali.
Għall-Partit Nazzjonalista, din se tkun okkażjoni biex juri bil-provi lill-poplu Malti u Għawdxi li pajjiżna għandu Gvern li qed jaġixxi u jgħaddi l-liġijiet fl-interess tal-ħbieb tiegħu kriminali u mhux fl-interess taċ-ċittadini onesti u tal-familji Maltin u Għawdxin.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex immedjatament ilaqqa’ l-Kumitat Permanenti dwar il-Privileġġi ħalli l-poplu Malti u Għawdxi jkun jista’ jibda jara b’għajnejh, jisma’ b’widnejh u jiġġudika b’moħħu.
//= $special ?>