Lokali Unjoni Ewropea

Abela idoqq l-irtirata: Il-Prim Ministru vvota favur nefqa akbar fid-difiża minkejja dak li qal lill-midja ftit qabel

Waqt is-summit Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela spicca xorta vvota favur nefqa akbar fid-difiza. Dan minkejja dak li qal lill-midja ftit tas-sigħat qabel, hu u dieħel għas-summit.

Il-pjan Ewropew kien adottat b’mod unanimu, inkluż minn Malta.

Skont ir-rapporti internazzjonali, kien hemm ukoll qbil dwar l-armi għad-difiża tal-Ukrajna. Bil-President Zelensky jtenni li hu kommess li jaħdem għall-paċi fir-reġjun.

Il-pajjiżi kollha qablu li l-UE għandha tinvesti b’saħħa fis-sigurtà. L-Awstirja, l-Irlanda u Malta kienu onboard. L-uniku wieħed kontra, kien Victor Orban tal-Ungerija.

Dan il-qbil għal dan l-investiment ser jassġgura biljuni ta’ ewro sabiex l-Ewropa ssaħħaħ id-difiża tagħha – anke minħabba l-fatt li bħalissa l-amministrazzjoni Amerikana ta’ Trump jidher li mhux ser tkompli ssostni l-għajnuna lill-Ukrajna.

Minn dan is-summit ħareġ ukoll biċ-ċar kif il-pajjiżi Ewropej ingħaqdu aktar flimkien sabiex ikunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom – ħalli tiġi assigurata l-libertà u l-paċi fl-Ewropa.

U waqt li kien qed jiġi konkluż dan is-summit, ir-Russja kompliet bl-attakki tagħha. Fil-fatt, il-Kremlin ordna diversi raids bil-missili u d-drones. Fil-mira, kien hemm l-infrastruttura tal-gass u l-enerġija.

Il-Gvern ta’ Kiev qed jgħid ukoll li f’wieħed mill-attakki Russi indarbu 18-il persuna, fosthom erbat itfal.