Lokali Qorti

€2,400 multa wara li tħarreġ fis-sewqan ma’ instructor mhux approvat u ma kellux liċenzja

Rabat

Bormliż li ma kellux liċenzja tas-sewqan u li meta twaqqaf mill-Pulizija f’Għawdex qalilhom li l-liċenzja tiegħu kienet Malta, ġie mmultat €2,400 multa wara li kien qed jitħarreġ fis-sewqan ma’ instructor mhux approvat. Mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija rriżulta wkoll li Christian Mamo ta’ 28 sena, ma kellu ebda liċenzja tas-sewqan.

Kien id-9 ta’ Marzu tas-sena l-oħra għall-ħabta tal-5.15pm li l-Pulizija kienu qegħdin jagħmlu ‘road check’ fi Triq il-Kappuċċini, ir-Rabat, Għawdex. F’ħin minnhom il-Pulizija waqqfu karozza tal-għamla BMW. Ix-xufier ġie identifikat li kien Christian Mamo u dan mid-dokument tal-karta tal-identità li l-istess xufier għadda lill-Pulizija dak il-ħin stess.

Ix-xufier ġie mitlub jippreżenta l-liċenzja tas-sewqan tiegħu iżda dan stqarr mal-Pulizija li l-liċenzja kienet
qiegħda fil-kartiera tax-xogħol f’Malta. Minn verifiki li għamlu l-Pulizija mal-control room, ġie stabbilit li l-akkużat ma kellux liċenzja tas-sewqan valida.

Huwa ġie infurmat li kienu sejrin jinħarġu l-akkużi kontra tiegħu. Miegħu fil-vettura bħala passiġġiera kien hemm mara. Din irriżulta li kellha liċenzja tas-sewqan u għalhekk hija tħalliet tneħħi l-vettura minn fuq il-post.

Il-Maġistrat Jean Paul Grech li kien qed jippresedi l-Qorti ta’ Għawdex, qal li rriżulta li l-akkużat kien qed isuq vettura meta kien għadu ma ġabx il-liċenzja tas-sewqan. Mill-provi rriżulta li l-akkużat ġab biss il-liċenzja fis-17 ta’ Mejju 2024, ftit aktar minn xahrejn wara li kien twaqqaf.

Dan kollu ikkonfermah Mamo nniffsu meta minn jeddu u b’mod volontarju għażel li jitla’ jixhed f’dawn il-proċeduri. Infatti fix-xhieda tiegħu l-akkużat ikkonferma kif dakinhar li twaqqaf mill-Pulizija huwa kien qiegħed isuq il-vettura tat-tip BMW u li kien għadu ma ġabx il-liċenzja tas-sewqan.

Spjega kif huwa kien qiegħed jagħmel ftit prattika tas-sewqan fil-preżenza ta’ persuna li kellha liċenzja tas-sewqan. Il-Qorti innotat ukoll li l-affidavit tal-Pulizija jagħmel riferenza għall-fatt li l-akkużat kien qed isuq vettura tal-għamla BMW bin-numru HBL 275 mentri fl-akkuża r-riferenza hija għall-vettura tal-għamla BMW bin-numru tar-reġistrazzjoni HBZ 275.

Li kieku ma xehedx l-akkużat, il-Qorti possibilment seta’ kellha dubju dwar il-ħtija jew le tal-akkużat minħabba din il-varjazzjoni fin-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura. Imma tenut kont li l-akkużat xehed f’dawn il-proċeduri u prattikament ikkonferma li fid-data, ħin u l-post indikati fl-akkuża huwa kien
qiegħed isuq vettura meta ma kellux liċenzja.

Dan elimina mhux biss kull dubju li seta’ possibilment kien hemm iżda rrenda tali żball għal kollox superfluwu. Fis-sottomissjonijiet tagħha d-difiża targumenta li l-akkużat kien awtorizzat li jsuq f’tali ċirkustanzi in vista tal-fatt li huwa kien qiegħed jitħarreġ fil-presenza ta’ persuna oħra li kellha liċenzja tas-sewqan.

Il-Qorti hawn qalet li biex tippermetti s-sewqan f’dawn iċ-ċirkustanzi, irid ikun ġie maħruġ permess biex wieħed jitgħallem, liema permess ikun jippermetti s-sewqan fil-ġranet kollha esklużi Ħdud u btajjel pubbliċi u li l-persuna konċernata trid tkun akkumpanjata jew taħt issorveljanza ta’ instructor approvat jew inkella sewwieq li jkollu esperjenza ta’ mill-anqas ħames snin.

Mamo nstab ħati wkoll li kien qed isuq mingħajr polza tal-assigurazzjoni u dan għaliex b’mod awtomatiku jekk ma kellux liċenzja tas-sewqan ma setax ikun kopert b’polza. Tenut kont però li jidher li l-akkużat kien fil-fażi finali biex jottjeni l-liċenzja tas-sewqan – u għalkemm kiser il-liġi, ir-raġuni għalfejn kien qiegħed isuq kienet biss biex huwa jitħarreġ.

Dwar dan, il-Qorti tqis li m’għandhiex tissospendilu l-liċenzja tas-sewqan għall-perijodu ta’ 12-il xahar iżda għandha tapplika perijodu ta’ sospensjoni ferm anqas. Il-Qorti applikat biss terminu ta’ sospensjoni ta’ 15-il ġurnata.

Għaldaqstant għal dawn il-motivi, il-Qorti sabet lill-akkużat Christian Mamo ħati tal-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u kkundannatu għall-ħlas ta’ multa komplessiva ta’ € 2,400.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabria Gatt.