Lokali

“Gvern li qed ifalli f’kull qasam b’detriment għall-poplu” – PN

“Qed naraw Gvern Laburista li qed ifalli f’kull qasam, b’detriment għal kull persuna ta’ kull età.”

Kien dan li qalu d-Deputati Nazzjonalisti, Paula Mifsud Bonnici u Mark Anthony Sammut waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali mill-Partit Nazzjonalista l-Ġimgħa filgħodu hekk kif ninsabu ftit jumejn ‘il bogħod mill-protesta fil-Belt Valletta.

Paula Mifsud Bonnici qalet li f’pajjiżna hawn 1,600 anzjan li qed jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani. U quddiem din is-sitwazzjoni, minflok il-Gvern iddeċieda li jibni iktar djar tal-anzjani, minflok qed jgħalaq dawk eżistenti u jwaqqagħhom.

Dan apparti li hemm anzjani li qed jgħixu fil-faqar u oħrajn saħansitra qed jgħixu fil-garaxxijiet.

“Għandna opportunità biex ngħidu lil dan il-Gvern li jeħtieġ jieqaf jagħmel sfreġju minn dan il-pajjiż, għaliex minflok qed naraw Gvern li flok qed jagħmel il-ġid għal pajjiżna, minflok qed jieħu d-drittijiet tal-poplu.”

Fakkret kif il-Partit Nazzjonalista jassigura li jkun hemm liġijiet li jħarsu l-anzjani, fosthom mediċini li ma jkunux out of stock, djar tal-anzjani li jilqgħu lil dawk li ma jkunux kapaċi jgħixu iżjed fi djarhom, u jindirizza l-għoli tal-ħajja, fost oħrajn.

“Gvern Nazzjonalista se jassigura li l-ġid jitqassam b’mod eku, u bħalissa qed jagħmel proposti favur l-anzjani,” qalet Mifsud Bonnici.

Mark Anthony Sammut qal li l-Gvern falla mhux biss l-anzjani iżda tal-poplu Malti u Għawdxi kollu billi lanqas biss għandu kontroll fuq is-sigurtà ta’ pajjiżna, fost nuqqasijiet kbar oħra.

Huwa semma’ wkoll it-traffiku li qed iwassal għal stress u anzjetà, apparti t-tniġġis f’pajjiżna, b’din is-sitwazzjoni, iktar ma jmur, iktar qed tmur lura.

“Dan il-pajjiż għandu bżonn Gvern li flok jindirizza l-problemi tal-qalba, jindirizza l-problemi li qed iħossu l-Maltin u l-Għawdxin,” qal Sammut.

Il-Ħadd fit-3 pm se tkun qed issir protesta bl-isem Gvern Li Falla, li se tkun qed tieħu l-forma ta’ mixja u li tibda minn quddiem il-Parlament u tispiċċa quddiem il-Qorti.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo